Ara min se jieħu sehem illejla f’Sanremo

Ritratt: Sanremo.rai.it

Gigi D’Alessio u Zucchero huma l-mistiedna tal-aħħar minuta fit-tieni serata tas-70 edizzjoni tal-festival ta’ Sanremo li se tixxandar illejla fuq Rai Uno, f’xandira diretta mit-teatru Ariston. Mhux biss iżda għall-ewwel darba se jkunu qed jerġgħu idoqqu flimkien bħala trio il-grupp Ricchi e Poveri, li wkoll huma mistiedna f’dan il-festival.

It-tieni serata se jkollha l-preżentazzjoni ta’ Amadeus li llejla se jkun mgħejjun mill-ġurnalisti tar-Rai Uno Emma D’Aquino  u Laura Chimenti kif ukoll mill-kantanta Sabrina Salerno. Jieħdu sehem ukoll Fiorello u Tiziano Ferro.

Illejla se naraw it-12-il kantanti l-kbar l-oħra f’din il-kompetizzjoni. Dawn huma Giordana Angi, Francesco Gabbani, Paolo Jannacci, Junior Cally, Elettra Lamborghini, Levante, Enrico Nigiotti, Piero Pelù, Pinguini Tattici Nucleari Rancor, Tosca, u Michele Zarrillo.

Fil-kategorija ta’ Nuove Proposte se jieħdu sehem Fasma, Matteo Faustini, Martinelli e Lula, u Marco Sentieri. Tnejn minn dawn jiġu eliminati filwaqt li t-tnejn l-oħra jgħaddu għall-fażi ta’ nhar il-Ġimgħa 7 ta’ Frar.

Sanremo jixxandar fuq Rai Uno fid-8.40pm u jibqa’ għaddej sas-00.45am.