Ara min huma l-parteċipanti ta’ HazZzard

Nhar it-Tnejn 30 ta’ Settembru fid-9pm, l-istazzjon One se jibda jxandar id-9 edizzjoni tar-reality show HazZzard.

Din is-sena, HazZzard għazel destinazzjoni mżewwqa bil-muntanji, pajsaġġi mill-isbaħ, natura, lagi u xmajjar u mergħat kbar tal-ħaxix. Xenarji tal-istampi. Iżda liema se tkun din id-destinazzjoni se nkunu nafu mal-ewwel programm ta’ nhar it-Tnejn li ġej.

Il-periklu u l-isfidi għall-parteċipanti ma’ jonqsux, filwaqt li din is-sena se jsibu diffikultajiet kbar minħabba l-lingwa, sabiex jikkomunikaw man-nies tal-lokal. Sfida personali li jaffaċċjaw il-parteċipanti hija li fl-ebda ħin waqt il-ġbid tal-avventura barra minn Malta, ma jkollhom kuntatt mal-familjari tagħhom f’ Malta.

Iżda min huma l-parteċipanti f’din l-edizzjoni?

Simon Marshall – 51 Sena – Membru fil-korp tal-Pulizija

Simon hu miżżewweġ u għandu żewġ itfal bniet. Joqgħod Ħal Luqa, iżda propjament minn Raħal Ġdid. Eks-Surġent u qiegħed fi grad ta’ Kuntistabbli ta’ Riserva. B’kollox ilu fil-korp 33 sena u llum il-ġurnata qiegħed stazzjonat fl-Akkademja tal-Forzi Dixxiplinati, Ta’ Kandja.

Christian Dimech – 23 Sena – Impjegat ġo fabbrika tal-Farmaċewtika

Christian huwa ġuvni mir-Rabat, Malta. Persuna avventuruża ħafna. Iħobb jimxi u jippassiġġa fil-kampanja, filwaqt li l-hena tiegħu jipparteċipa f’xi avventura bħal tracking, snorkling, abseiling u zip lining. Kien suldat fl-Armata fejn tgħallem ħafna ħiliet.

Daniel Cutajar – 19-il Sena – Student

Student l-Università fil-kors tad-disinn. Jgħid li huwa Marsi però joqgħod Ħal Lija. Iqis ruħu bħala persuna pożittiva, persuna rilassata, avventuruż u kemxejn ambizzjuż. Jemmen li persuna titgħallem u tikber permezz tal-avventuri li tgħaddi minnhom matul ħajjitha. Hu jagħmel parti mill-iScouts tal-Marsa.

Nicholas John Borg Bonaci – 32 Sena – Maniġer ma’ kumpanija privata

Nicholas John joqgħod il-Mellieħa. Iħobb isiefer, isajjar u jgawdi l-ħajja speċjalment xi ħarga tajba mal-hbieb. L-isbaħ esperjenza ta’ ħajtu kienet meta żżewweġ lir-raġel tiegħu Edward. Kellhom tieġ memorabbli u jgħid li għadu jissemma’ sa llum il-ġurnata bħala wieħed mill-akbar tiġijiet li qatt saru f’Malta.  

Leander Mizzi – 24 Sena – Impjegat ġo fabbrika tal-farmaċewtika

Għandu 24 sena u joqgħod il-Fgura. Minbarra x-xogħol tiegħu fil-fabbrika, jagħmel xi xogħol bħala skipper fuq id-dgħajjes. Kien jagħmel parti mill-grupp tal-iscouts għal 10 snin. Infatti l-ħiliet li tgħallem f’dan iż-żmien sabhom utli ħafna f’ħajtu u anke waqt l-avventura ta’ HazZzard. Is-sena li għaddiet Leander ippropona lit-tfajla tiegħu biex jiżżewġu, u hi aċċettat.

Jannie Mercieca -28 Sena – Segretarja tad-Direttur f’kumpanija privata

Toqgħod iż- Żejtun. Minbarra li taħdem, hija studenta fuq bażi part time. Fatt interessanti f’Jannie huwa li mhijiex persuna avventuruża. Biss iddeċidiet li tapplika għall-avventura ta’ HazZzard biex tagħmel ħbieb ġodda u żżur pajjiż li żgur qatt ma marret fih filwaqt li tesperjenza l-istil ta’ ħajja ta’ kulturi differenti filwaqt li tgħix esperjenza li żgur ma’ tinsa qatt.

Diana Callus – 51 Sena – Impjegata ma’ kumpanija privata

Twieldet l-Awstralja u ilha Malta minn mindu kellha 16-il sena. Tgħix iż-Żurrieq u hija miżżewwġa. Għandha tlett itfal, żewġ subien u tifla. Hija wkoll nanna ta’ tnejn. Tħobb ħafna l-avventura u għalhekk iddeċidiet li tipparteċipa f’HazZzard.  Temmen li l-età ma tagħmilx differenza fil-ħajja tal-individwu u jekk ikollok ir-rieda jirnexxielek tagħmel kollox. L-importanti li tħossok żagħżugħa minn ġewwa u tħares lejn il-ħajja b’attitudni pożittiva.

Soraya Queen – 33 Sena – Stilista tax-xagħar u attriċi

Toqgħod Marsaskala flimkien mal-kelb tagħha Lucky. Hija personalità magħrufa fuq it-televiżjoni lokali. Narawha bħala attriċi f’diversi produzzjonijiet fuq it-TV u fuq il-palk. Mhijiex xi persuna sportiva anzi pjuttost tqis ruħha bħala għażżiena f’dan il-qasam. Tipprova ma’ taqta qalbha minn xejn. Tgħid li meta ddaħħal xi ħaġa f’rasha diffiċli biex iddawwar fehmitha.