Ara meta se ssir il-Festa taċ-Ċitru

Fid-19 ta’ Jannar se tkun organizzata il-11-il edizzzjoni tal-Festa Taċ-Ċitru fil-Ġonna Pubbliċi ta’ San Anton. Din l-attività se tkun qed tittella bejn id-9am u l-5am bil-flus kolha jmorru għal Malta Community Chest Fund Foundation.

Il-President George Vella qal li din l-attività tgħaqqad lill-familji kollha flimkien għal għan nobbli. Huwa ħeġġeġ lill-pubbliku biex jikkonkorri bi ħġaru u jixtri l-larinġ, lumi, mandolin u frott ieħor taċ-ċitru li se jkun għall-bejgħ, kif ukoll prodotti magħmulin miċ-ċitru mill-Kċina tal-President.

Il-President u s-Sinjura Vella qatgħu l-frott mis-siġar li hemm fil-ġonna privati tal-Palazz bl-għajnuna ta’ madwar 30 student mill-Iskola Primarja ta’ San Bastjan Ħal Qormi u l-Iskola Primarja B taż-Żejtun. Spjega li l-Malta Community Chest Fund Foundation teħtieġ il-fondi matul is-sena kollha u għalhekk din hija waħda mill-ewwel attivitajiet li qed tirrendi l-fondi meħtieġa. 

Fi-ġonna tal-Palazz hemm mal-500 siġra fuq medda ta’ 6-7 itmiem art. Jikkonsisti f’siġar tal-lumi, larinġ, mandolin, tronġ (grapefruit) u lumiċell. Għal din il-Festa taċ-Ċitru, il-Kċina tal-President se tkun qed tħejji mat-3,000 muffin taċ-ċitru, mal-1,000 kejk taċ-ċitru, mal-100 vażett tal-marmalade, mulled wine, soppa tal-larinġ u l-qargħa aħmar, kannoli

bl-irkotta u l-larinġ, kif ukoll larinġ frisk.  

Se jkun hemm ukoll banek bi prodotti oħra tal-ikel, bl-artiġjanat, pjanti, kif ukoll il-bejgħ tal-kotba ta’ Tisjir mill-Qalb u l-flokkijiet tal-Fun Run li se ssir fis-26 ta’ Jannar li ġej.