Ara meta se joħroġ il-film dwar Elvis Presley!

Elvis fil-film King Creole. Ritratt: Paramount Pictures

Wara Freddie Mercury u Elton John, issa jmiss aktar films biografiċi fosthom dawk ta’ Dusty Springfield u David Bowie.

Iżda film li ħafna huma qed jistennew huwa dak dwar Elvis Presley.

Warner Bros. ħabbru d-data ta’ dan il-film li se jkun qed jinħadem is-sena d-dieħla bl-attur Austin Butler fil-parti ewlenija tal-mibki Re tar-Rock ‘n Roll.

Fuq kitba ta’ Baz Luhrmann flimkien ma’ Craig Pearce, u fuq direzzjoni ta’ Luhrmann, il-film biografiku se joħroġ għall-ewwel darba nhar l-1 ta’ Ottubru 2021.

Ħafna mill-ġbid se jsir fi Queensland, fl-Awstralja s-sena d-dieħla biex jakkomodaw lill-attur Tom Hanks li għandu impenji oħra, u li fil-film dwar Elvis, huwa se jkun qed jinterpreta lill-maniġer ta’ Presley, il-Kurunell Tom Parker.

Austin Butler se jkun Elvis Presley

L-attur Austin Butler intgħażel għall-parti ta’ Elvis  Presley. Atturi oħra li kienu kkunsidrati għal din il-parti huma Ansel Elgort, Miles Teller, u Harry Styles.

AQRA: Skopri min jista’ jkun Elvis f’film li se jinħadem

Luhrmann stqarr li l-proċess biex jintgħażel l-attur li se jinterpreta lil Presley, kien wieħed intensiv ħafna u kien determinat li jwarrab mill-proġett kemm il-darba ma jkunx kuntent.

Il-film se jkopri l-ewwel 20 sena tal-karriera ta’ Presley u mhux eskluż li jkun hemm film ieħor wara dan.

Però r-rispons tal-pubbliku għal dan il-film se jkun iħoll u jorbot jekk ikunx hemm ieħor wara.

Għal Luhrmann, dan se jkun l-ewwel film wara The Great Gatsby, li kellu lil Leonardo Di Caprio fil-parti ewlenija.