Ara meta se jintbagħtu ċ-ċekkijiet tal-pensjoni

Żbalji ċekkijiet tal-Gvern Ministeru taxxa

Il-Ministeru għas-Solidarjetà Soċjali ħabbar li ċ-ċekkijiet tal-pensjoni se jintbagħtu erbat ijiem qabel id-data tas-soltu, it-28 ta’ Diċembru, peress li l-Bank of Valletta mhux se joffri servizzi mill-fergħat tiegħu mit-30 ta’ Diċembru sal-1 ta’ Jannar.

Fi stqarrija, il-Ministeru spjega li l-pensjonijiet tas-sigurtà soċjali dovuti fit-28 ta’ Diċembru se jkunu datati fl-24 ta’ Diċembru u se jintbagħtu biex ikunu jistgħu jissarrfu mill-24 ta’ Diċembru ‘l quddiem. Il-pagamenti li jsiru permezz ta’ depożitu fil-kont bankarju se jkunu proċessati biex jitħallsu fl-24 ta’ Diċembru bi ftehim mal-Bank Ċentrali ta’ Malta.

Rigward il-pagamenti ta’ benefiċċji li jitħallsu kull ġimgħa u mhux kull erba’ ġimgħat, il-Ministeru qal li dawn ukoll se jkunu datati fl-24 ta’ Diċembru biex iċ-ċekkijiet jissarrfu qabel ukoll.

Kull min jixtieq iżjed informazzjoni fuq kif se jsiru l-pagamenti, jista’ jċempel fuq 153.