Ara meta se jinqata’ d-dawl fl-ajruport

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta se jkun qed jaqta’ l-provvista tal-elettriku fil-11 u l-14 ta’ Marzu bejn is-1am u l-4.30am. Dan tħabbar fi stqarrija mill-ajruport stess li spjegat li l-qtugħ ta’ dawl se jippermetti lill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jwettaq xogħlijiet mingħajr periklu bħala parti minn investiment f’infrastruttura tal-elettriku aktar moderna.

Ġie spjegat li l-investiment se jikkontribwixxi għal livelli ta’ sigurtà ogħla u provvista tal-elettriku aktar affidabbli, filwaqt li jwitti t-triq għal tkabbir fil-futur. Qal li ntagħżel dan il-ħin għall-qtugħ ta’ dawl hekk kif dan ġie identifikat bħala l-aktar ħin kwiet għall-ajruport. Qal li x-xogħlijiet mhux mistennija jaffettwaw lill-passiġġieri, iżda spjega li l-biċċa l-kbira tat-terminal u tal-perkeġġ se jkunu bla dawl.

L-ajruport qal ukoll li wħud mil-lifts u l-escalators tat-terminal se jkunu weqfin u ċerti servizzi mhux se jkunu disponibbli tul il-ħinijiet indikati. Qalet li filwaqt li dan il-qtugħ tal-provvista tal-elettriku mhux mistenni jkollu impatt fuq it-titjiriet, il-kumpanija skużat ruħa għal kwalunkwe inkonvenjent li l-passiġġieri jiltaqgħu miegħu.