Ara meta se jidħlu ż-żieda u iktar servizzi

Il-Gvern qal li fil-ġimgħat li ġejjin se jibdew jidħlu fis-seħ il-miżuri tal-Baġit 2020.

Fi stqarrija ntqal li fost il-miżuri li se jkunu qed jidħlu fis-seħħ f’Jannar, hemm iż-żieda ta’ €7 fil-ġimgħa lill-pensjonanti, iż-żieda fir-rata tal-Assistenza Miżjuda għal Diżabilità Severa, iż-żieda perċentwali li se jirċievu dawk li kienu jaħdmu fis-settur pubbliku u li rtiraw bejn l-2016 u l-2018 ta’ 62 sena jew aktar b’aktar minn 35 sena bolol.

Skont il-Gvern l-ewwel żidiet se jidħlu fis-seħħ fl-4 ta’ Jannar 2020. Dakinhar se titħallas iż-żieda fil-Pensjoni tal-Età Non-Kontributorja.  Se jithallsu wkoll iż-żidiet fl-Allowance tal-Carers u fl-Assistenzi għal Diżabiltà, fosthom għal dawk bl-Assistenza Miżjuda għal Diżabilità Severa li se jibdew jirċievu l-ammont tal-Paga Minima Nazzjonali netta, jew €161.40 fil-ġimgħa.

Is-Sibt 11 ta’ Jannar imbagħad ikun imiss lill-pensjonanti tal-irtirar li jirċievu l-pensjoni taż-żewġ terzi u dawk li huma pensjonanti tas-servizz li se jirċievu ż-żieda ta’ €7 fil-ġimgħa fil-pensjoni tagħhom. Fl-istess ġurnata jirċievu żieda wkoll dawk li qegħdin fuq l-għajnuna soċjali.

Fil-11 ta’ Jannar ukoll jirċievu ż-żieda addizzjonali dawk li kienu jaħdmu fis-settur pubbliku u li rtiraw bejn l-2016 u l-2018 ta’ 62 sena jew aktar,  b’aktar minn 35 sena bolol.  B’hekk dawn se jinġiebu l-istess bħal dawk li kienu jaħdmu fis-settur privat.

Il-pensjonanti romol se jirċievu ż-żieda ta’ €7 fil-ġimgħa fil-pensjoni tagħhom nhar is-Sibt 18 ta’ Jannar.  Fl-istess ġurnata se jirċievu żieda wkoll dawk li qegħdin fuq l-Għajnuna Medika.

Fil-25 ta’ Jannar imbagħad ikun imiss il-pensjonanti tal-invalidità u l-pensjonanti fuq il-pensjoni minima li huma wkoll se jkunu qed jirċievu ż-żieda ta’ €7 fil-ġimgħa fil-pensjoni tagħhom.

L-Għajnuna Supplimentari li jirċievu l-anzjani ta’ ’l fuq minn 65 sena li jinsabu f’riskju ta’ faqar diġà bdiet titħallas lilhom mill-pagament li rċievew fl-14 ta’ Diċembru, liema pagament ikopri l-ewwel 3 xhur tas-sena 2020 bil-quddiem.

Fost il-miżuri li se jiġu implimentati dalwaqt hemm dawk li jikkonċernaw il-bonus ġdid ta’ €300 li se jibda jitħallas lill-ġenituri li jkollhom trabi godda, żidiet għar-romol li għandhom it-tfal taħt it-18-il sena, żidiet għall-anzjani li għandhom 80 sena jew aktar fl-għotja li jirċievu kull sena, żidiet għall-anzjani li jgħixu fi djar privati tal-anzjani, u żidiet għal dawk ta’ ’l fuq minn 75 sena li issa se jibqgħu jew jibdew jirċievu l-bonus annwali li jitħallas lil dawk li kienu ħallsu xi bolol imma m’għandhomx pensjoni.

Se jkunu qed jidħlu fis-seħħ ukoll il-miżuri għal min għandu invalidità severa, għal min ikun għaddej minn trattament għall-kanċer, u għal min ibati mill-fibromyalgia jew ME, fost miżuri oħra.