Ara meta linji tal-ajru se jibdew it-titjiriet minn u lejn Malta

Miguela Xuereb

Diversi linji tal-ajru li joperaw xi titjiriet tagħhom minn u lejn Malta se jkunu qed joffru titjiriet lejn diversi pajjiżi sa minn Ġunju li ġej.

Malta għandha mat-33 kumpanija tal-ajru li topera titjiriet minn u lejn Malta skont is-sit tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu. Newsbook.com.mt żar is-siti ta’ xi wħud minn dawn il-kumpaniji sabiex jara liema minnhom kienu qed joffru bejgħ ta’ titjiriet fix-xhur li ġejjin.

Il-linja tal-ajru AEGEAN qed toffri titjiriet minn u lejn Ateni sa minn Ġunju. Similarment, il-linja tal-ajru WizzAir għandha għall-bejgħ titjiriet minn u lejn Sofia, Budapest u Skopje sa mis-16 ta’ Ġunju. Il-linja tal-ajru Lufthansa għandha titjiriet aċċessibbli mit-18 ta’ Ġunju.

Intant, titjiriet lejn l-Italja u l-Polonja se jkunu aċċessibbli permezz ta’ WizzAir minn Lulju. Linji tal-ajru oħrajn li jidher li se jkollhom titjiriet disponibbli minn Lulju huma l-Jet2, l-EasyJet u l-Alitalia. Minn Lulju l-Alitalja għandha titjiriet disponibbli lejn Praga, Bari u Amsterdam. Imbagħad għandha wkoll titjiriet lejn postijiet bħal Abu Dhabi mill-aħħar ta’ Awwissu. Il-linja tal-ajru AirFrance għandha titjiriet disponibbli minn Awwissu.  

Il-kumpanija tal-ajru AirBaltic, li toffri vjaġġi lejn pajjiżi nordiċi għad m’għandhiex skeda ta’ titjiriet disponibbli fix-xhur li ġejjin.

Intant, fil-ġimgħat li għaddew, il-kumpanija tal-ajru Ryanair ħabbret li mill-1 ta’ Lulju se tkun qed treġġa’ lura 40% tat-titjiriet tagħha. Fi stqarrija l-kumpanija spjegat li dan jiddependi wkoll jekk il-gvernijiet minn fejn topera l-kumpanija hux se jkunu qed jiftħu l-ajruporti tagħhom għall-ivvjaġġar fl-Unjoni Ewropea. Titjiriet minn Malta lejn ċertu pajjiżi huma disponibbli minn Lulju ‘l quddiem.

Propju lbieraħ il-ġurnalisti kienu għamlu mistoqsijiet lis-Superintendent għas-Saħħa Pubblika dwar jekk hux se jinfetaħ l-ajruport. Prof. Charmaine Gauci qalet li għad m’hemm l-ebda deċiżjoni dwar il-ftuħ tal-ajruport.

Mistoqsija minn Newsbook.com.mt dwar l-aħbar li Ċipru kkonferma li se jibda t-titjiriet lejn Malta u pajjiżi oħra minn Ġunju, il-Professur qalet li d-diskussjonijiet għadhom għaddejjin. Hija saħqet li għaldaqstant għad m’hemmx deċiżjoni.

Fil-jiem li għaddew, ħareġ b’mod uffiċjali li l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta se jibqa’ magħluq għat-titjiriet kummerċjali mill-inqas sal-15 ta’ Ġunju.

Skont is-sit tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (ICAO) din l-informazzjoni ntbgħatet lill-piloti f’forma ta’ avviż. Dan ħareġ illum. Il-Gvern Malti ma bagħat l-ebda stqarrijiet dwar dan sal-ħin tal-pubblikazzjoni tal-artiklu.

L-għeluq ġie estiż sal-11.59pm tal-15 ta’ Ġunju.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn