Ara ma’ min kiel il-Papa llum

Read in English.

Fil-ġurnata ddedikata lill-foqra, il-Ħadd, il-Papa Franġisku laqa’ għall-ikla ta’ nofsinhar 1,500 persuna li m’għandhomx saqaf fuq rashom jew jinsabu fil-bżonn.

Il-menù għal dawk preżenti inkluż il-Papa kien jikkonsisti f’lasagna, tiġieġ bil-krema tal-faqqiegħ, patata, ħelu, frott u kafè.

Il-voluntiera ta’ diversi għaqdiet mhux governattivi wasslu lill-mistednin il-Vatikan.  

Matul il-ġimgħa li għaddiet fi Pjazza San Pietru kien hemm klinika temporanja li fiha diversi tobba b’mod volontarju taw is-servizz speċjalizzat tagħhom lill-foqra. Fuq inizjattiva tal-Papa Franġisku, il-foqra jingħataw servizz ta’ kura ġenerali matul is-sena kollha.

Aktar kmieni l-Papa ċċelebra l-quddies fi Pjazza San Pietru. Huwa enfasizza li flok ma’ wieħed iħossu urtat bil-foqra, għandu jgħinhom kemm jista’. Żied li kull nisrani għandu jsaqsi lilu nnifsu, ‘jien bħala nisrani għandi minn tal-inqas persuna waħda fqira ħabiba tiegħi?’