Ara ma’ min irreklama l-aktar l-Uffiċċju tal-PM

L-aktar flus f’reklamar mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-entitajiet li jaqgħu taħtu fl-2017 marru għand il-PBS, li rċieva €64,886.

Warajh, l-Allied Newspapers u l-Media Today, li daħħlu €20,478 u €20,176 rispettivament.  Fost l-oħrajn il-Media Today irċeviet €1,475 kull xahar f’reklami mill-Awtorità Maltija għal-Logħob (MGA).

Iċ-ċifri ġew ippubblikati mill-Prim Ministru Joseph Muscat fi tweġiba għall-mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi li staqsa dwar in-nefqa f’reklamar fuq kull mezz tal-midja fl-2017.

L-entitajiet li jsemmi l-Prim Ministru huma l-MGA, il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST), l-Awtorità Maltija għall-Komunikazzjoni (MCA), l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA), l-Aġenzija Maltija għat-Teknoloġija tal-Informatika (MITA), It-Taqsima għall-Effiċjenza fil-Maniġment (MEU) u Identity Malta.

Il-midja tal-Partit Nazzjonalista rċeviet €15,311 f’riklami mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru.  €14,698 marru għand il-midja tal-Partit Laburista u €1,852 għand il-midja tal-General Workers’ Union.
Bay Radio ħa €5,146 f’riklami, l-Independent €2,096.
RTK 103FM irċieva €2,168 f’riklami mill-MITA. F’sena sħiħa, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-entitajiet li jaqgħu taħtu qatt ma’ rreklama fuq Newsbook.com.mt.

In-nefqa f’reklamar fuq Facebook swiet €33,791, €5,143 fuq LinkedIn, €4,915 fuq Google, €1,150 fuq YouTube u €372 fuq Twitter. €23,571 marru għand Newsletter barranija ppublikata f’sit onlajn.

Il-Ministeru għall-Kultura:
Intant, f’mistoqsija parlamentari tad-Deputat Laburista Clayton Bartolo, il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici qal li saru ħlasijiet ta’ €10,587 għal servizzi ta’ reklamar u kitba ta’ artikli lis-sit Lovin Malta, bejn l-2016 u l-2017.

Il-Ministeru għat-Turiżmu: 
Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi qal li n-nefqa f’reklamar tal-Ministeru tiegħu u tal-entitajiet li jaqgħu taħtu kienet tammonta €364,679.

Il-Ministeru għall-Ekonomija 
Il-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona qal li n-nefqa f’reklamar mill-Ministeru tiegħu u entitajiet taħt id-dekasteru tiegħu fl-2017 kienet tammonta għal €84,124.
Ara l-lista sħiħa hawn taħt.