Ara liema toroq qed jitranġaw f’Malta u Għawdex

Read in English.

Numru ta’ toroq fir-Rabat f’Għawdex u triq ewlenija f’Tas-Sliema se jingħataw asfalt mill-ġdid, skont ma ħabbru l-Ministru Justyne Caruana u l-Ministru Ian Borg rispettivament.

F’Malta

Il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg żar ix-xogħlijiet li twettqu fi Triq it-Torri, triq ewlenija f’Tas-Sliema. F’Tas-Sliema għandhom jitranġaw ukoll Triq Manwel Dimech, Triq Sir Arturo Mercieca, u Triq il-Kbira.

DOI: Jason Borg

Il-Ministru Borg spjega li minkejja li Triq it-Torri kienet inkluża f’waħda mil-listi tal-Gvern ta’ toroq li se jitranġaw fi pjan ta’ 7 snin, minħabba l-istat ħażin li din it-triq kienet tinsab fih, fil-ġimgħat li għaddew saret manutenzjoni estensiva fiha minn ħdejn il-ferries f’Tas-Sliema sal-Balluta. Ix-xogħol sar biċċa biċċa u matul il-lejl għax f’ħafna partijiet kellu jinqala’ l-wiċċ u jsir ieħor ġdid .

 

F’Għawdex

Il-Ministru Caruana qalet li x-xogħol imħabbar ftit tax-xhur ilu f’50 triq madwar Għawdex diġà tlesta u qed jitgawda, u għalhekk qed jiġi ppjanat ċiklu ieħor ta’ toroq sabiex tiġi indirizzata l-isfida tal-kunsilli lokali minħabba n-nuqqas ta’ riżorsi.

MGOZ: Terry Camilleri

It-toroq li se jitranġaw huma Triq Mattia Preti, Triq Forn il-Ġir, Triq Michele Busuttil u Triq Mary Mejlaq, kollha toroq li jiffurmaw parti miż-żona magħrufa bħala Tal-Kapuċċini fir-Rabat. “Wara li jintemm dan ix-xogħol, se nixtħu ħarsitna fuq Triq Ta’ Wara s-Sur u Triq l-Imgħallem, fejn diġà ħarġu t-tenders u ġew evalwati”, qalet il-Ministru Caruana.

Il-Ministru għal Għawdex semmiet ukoll kif wara li ntemm il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika, ġiet sottomessa l-applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar għall-bini mill-ġdid ta’ Triq Marsalforn, liema triq tibda mill-qalba tar-Rabat u tibqa’ sejra sal-bajja popolari ta’  Marsalforn. Temmet tgħid li dan ix-xogħol għandu jtaffi l-problema tat-traffiku f’dawn iż-żoni.