Ara liema lokalitajiet se jżur l-Arċisqof f’Lulju

L-Arċisqof Charles Scicluna se jkompli biċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi tul ix-xhur sajfin, u se jżur ħames lokalitajiet f’Lulju f’seba’ ċelebrazzjonijiet differenti.

Dawn iċ-ċelebrazzjonijiet jibdew il-Ħadd 7 ta’ Lulju, fit-8.30am, meta l-Arċisqof jiċċelebra quddiesa fil-festa tal-Martirju ta’ San Pawl, fil-Parroċċa ta’ San Pawl, ir-Rabat. Fl-istess ġimgħa, il-Ħamis 11 ta’ Lulju, fil-5.30pm, Mons. Scicluna jiċċelebra quddiesa fil-festa ta’ San Benedittu, fil-Monasteru ta’ Santa Skolastika, il-Birgu. 

L-għada mbagħad, l-Arċisqof jiċċelebra quddiesa fl-okkażjoni ta’ Jum il-Pulizija. Din issir fid-9am, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta. Min ma jkunx jista’ jattendi jista’ jsegwi l-quddiesa fuq l-istazzjon tal-Knisja f’Malta fuq YouTube

Il-Ħadd ta’ wara, fl-14 ta’ Lulju, fid-9.30am, l-Arċisqof jiċċelebra quddiesa fil-Knisja Parrokkjali ta’ Kristu Re, Raħal Ġdid, fil-bidu tal-Viżta Pastorali f’din il-parroċċa. Matul il-quddiesa l-Arċisqof jamministra s-Sagramenti tal-Bidu tal-Ħajja Nisranija. It-Tlieta 16 ta’ Lulju, fis-6pm, l-Arċisqof iqaddes quddiesa fil-festa tal-Madonna tal-Karmnu, fis-Santwarju tal-Madonna tal-Karmnu, il-Belt Valletta.  

L-aħħar ċelebrazzjoni liturġika f’Lulju se tkun is-Sibt 27 ta’ Lulju, fis-7pm, meta l-Arċisqof Scicluna jiċċelebra quddiesa fil-festa ta’ Sant’Anna, fil-Kappella ta’ Sant’Anna, iż-Żebbiegħ.