Ara liema kienet l-aktar ġurnata sħuna ta’ Lulju

L-ogħla temperatura ta’ Lulju laħqet id-39.6°C. Skont l-uffiċċju meteoroloġiku tal-ajruport ta’ Malta dan ġie rreġistrat bejn it-8 u l-10 tax-xahar. L-inqas temperatura li ġiet irreġistrata f’Lulju kienet 21°C.

Il-medja tat-temperaturi tkejlu fi 22 ġurnata minn total ta’ 31 ġurnata.

Minkejja l-qabża fit-temperaturi, l-uffiċċju qal li Lulju ma kienx xahar niexef għalkollox, hekk kif ġew imkejla 0.8mm ta’ xita sal-aħħar tax-xahar. Lulju kien kemxejn iktar mirjieħ milli mistenni wkoll, hekk kif il-veloċità medja tar-riħ qabżet in-norma klimatika ta’ 6.8 mil nawtiku fis-siegħa b’0.6.

F’Lulju tkejlu medja ta’ 11.9 sigħat ta’ xemx kuljum, bl-iktar jum imdawwal ikun l-4 ta’ Lulju, meta tkejlu total ta’ 13.1 sigħat ta’ xemx.