Ara liema ċelebrazzjonijiet se jmexxi l-Arċisqof fi żmien il-Milied

Read in English.

Il-funzjonijiet reliġjużi li se jmexxi l-Arċisqof Charles Scicluna fl-okkażjoni tal-Milied jibdew filgħaxija f’lejlet il-Milied. Dawn il-funzjonijiet huma miftuħin għall-pubbliku skont il-miżuri għall-ħarsien tas-saħħa b’rabta mal-pandemija Covid-19. Il-persuni vulnerabbli jistgħu jsegwu dawn iċ-ċelebrazzjonijiet fuq l-istazzjonijiet nazzjonali kif indikat hawn taħt, u fuq Knisja.mt u Newsbook.com.mt.

Il-Ħamis 24 ta’ Diċembru, lejlet il-Milied, fil-5.15pm Monsinjur Arċisqof imexxi l-ewwel għasar tal-Milied fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta, u fis-5.45pm, jiċċelebra l-Quddiesa tal-Vġili. Dakinhar stess fil-11.15pm, fil-Katidral ta’ San Pawl fl-Imdina, jibda l-Uffiċċju tal-Qari u kant tal-għanjiet tal-Milied. F’nofsillejl, Monsinjur Arċisqof jiċċelebra quddiesa fis-Solennità tat-Twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu. Din tixxandar ukoll fuq TVM. Minħabba restrizzjoni ta’ spazju fil-katidral, kull min jixtieq jattendi għandu jċempel fuq 21456620 jew 21454136, jew jibgħat imejl fuq parrocca.mdina@maltadiocese.org.

Il-Ġimgħa 25 ta’ Diċembru, Jum il-Milied, fid-9.30am, Monsinjur Arċisqof jiċċelebra quddiesa fis-Solennità tat-Twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu, fil-Katidral ta’ San Pawl fl-Imdina. Din tixxandar ukoll fuq TVM2.

Il-Ħamis 31 ta’ Diċembru, fil-5.30pm, Monsinjur Arċisqof jiċċelebra quddiesa ta’ radd il-ħajr lil Alla fi tmiem is-sena bil-kant tat-Te Deum, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta. Din tixxandar ukoll fuq TVM2.

Il-Ġimgħa l-1 ta’ Jannar, fid-9.30am, Monsinjur Arċisqof jiċċelebra quddiesa fis-Solennità ta’ Marija Omm Alla u fil-Jum Dinji tal-Paċi, fid-Dar tal-Providenza, is-Siġġiewi. Din tixxandar ukoll fuq TVM2.

Il-Ħadd 3 ta’ Jannar, fid-9.30am, Monsinjur Arċisqof jiċċelebra quddiesa fis-Solennità tal-Epifanija fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta. Matul din il-quddiesa se jagħti l-Ministeru tal-Akkolitat lil żewġ seminaristi u l-Ministeru tal-Lettorat lil tliet seminaristi oħra. Din tixxandar ukoll fuq TVM2.