Filmat: Ara l-wirja ta’ Kaya Gouder Curmi fl-Ariston

Ilbieraħ il-kantanta Kaya Gouder Curmi tat il-wirja tagħha fl-10 edizzjoni ta’ Sanremo Junior li jittella’ fit-teatru Ariston fl-Italja.

Hija kkompetiet bil-kanzunetta Bring Him Home mill-Musical Les Miserables, l-istess kanzunetta li biha kienet rebħet il-festival ta’ Sanremo Junior malta, organizzat minn Antonella Vassallo.

Għal din il-kantanta ta’ tmien snin, din kienet l-ewwel darba li kantat ma’ orkestra daqstant kbira. Fil-fatt, il-kantanti parteċipanti kollha ġew akkumpanjati mis-sanremo Junior Orchestra, taħt it-tmexxija tas-Surmast Enzo Campagnoli.

 

Kaya kienet l-iżgħar parteċipanta f’dan il-festival li hu miftuħ għal kantanti ta’ bejn is-6 u l-15-il sena.

Kaya mhix l-ewwel Maltija li ħadet sehem f’dan il-festival li għalih qed jipparteċipaw 22 pajjiż. Fis-snin imgħoddija ħadu sehem artisti bħal Gaia CauchiDestiny ChukunyereChristina Magrin, Hayley Azzopardi, Miguel Bonello u Thea Aquilina.

Filwaqt li f’dawn il-ġranet se jkomplu għaddejjin l-attivitajiet marbuta ma’ Sanremo Junior, ir-riżultat tal-kompetizzjoni tal-bieraħ se jkun magħruf nhar is-Sibt li ġej, f’serata li se tkun ppreżentata minn Maurilio Giordana u Elisa Benedetta Marinoni.