Ara kif tista’ tinnomina lil anzjani għall-unur

Anzjani Maltin
Anzjani Maltin

Il-Premju Anzjanità Attiva huwa ċelebrazzjoni għax-xogħol, l-impenn u d-dedikazzjoni fis-settur tal-anzjanità. Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u Persuni Diżabilità llum fetaħ b’mod uffiċjali l-applikazzjonijiet għal dan il-premju.

Dan l-avveniment annwali se jkun qiegħed isir fit-30 t’Ottubru. Il-bord se jkun qiegħed jilqa’ l-applikazzjonijiet għal disa’ premijiet li huma: Premju Anzjanità Attiva; Premju Koppja Miżżewġa; Premju Anzjanità Akkademika; Premju Anzjanità Sportiva; Premju Mudell Ideali; Premju Anzjanità Kulturali; Premju Solidarjetà Interġenerazzjonali u żewġ premji ġodda, bl-isem ta’ Premju Anzjanità Attiva fid-Djar Residenzjali u Premju għall-Aqwa Nannu/Nanna.

Fid-diskors tiegħu Parnis qal li l-Gvern għandu d-dmir li juri l-apprezzament tiegħu lejn kull min jaħdem għal soċjetà iżjed inklussiva,  fejn il-persuni u l-qraba tagħhom jgħixu f’komunitajiet iżjed inklussivi u għalhekk ikunu jistgħu jgħixu b’mod indipendenti.

L-anzjani li jistgħu jirbħu dan il-premju mhux bilfors iridu jkunu jgħixu fil-komunità iżda wkoll fid-djar tal-anzjani. Din is-sena se jkun hemm ukoll il-Premju Anzjanità Attiva fid-Djar Residenzjali.

L-applikazzjoni tista’ tinkiseb mis-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u Persuni b’Diżabbiltà, Palazzo Ferreria, Triq il-Repubblika, Valletta, Malta, permezz ta’ email fuq premjuanzjanitaattiva.mfcs@gov.mt, minn fuq is-sit www.activeageing.gov.mt jew mill-uffiċini tal-kunsilli lokali.

In-nominazzjonijiet jagħlqu fit-30 ta’ Settembru 2020. Għal aktar għajnuna biex wieħed jimla l-applikazzjoni, jista’ jċempel fuq 25903241.