Ara kif tista’ tgħin persuni bla dar f’Malta

Fl-aħħar jiem bosta rapporti lokali ffukaw fuq persuni li qed jgħixu fit-toroq Maltin għax spiċċaw mingħajr saqaf fuq rashom. Xi ħaġa li forsi kienet realtà ta’ barra, issa jidher li saret realtà f’Malta wkoll u inti tista’ tgħin ittaffi ftit minn dan l-uġigħ.

L-Azzjoni Kattolika Maltija (AKM) qed tittama li tiġbor €50,000 sabiex isir ir-renovar neċessarju sabiex Dar Regina Pacis li tinsab f’Ħal Balzan tiġi attrezzata sabiex tagħti kenn lil familji jew persuni li għal xi raġuni jew oħra spiċċaw f’sitwazzjoni fejn m’għandhomx fejn jorqdu.

Fi stqarrija l-AKM sostniet li wara dak li qal il-Papa Franġisku waqt il-Kungress tal-150 sena Anniversarju mit-twaqqif tal-Azzjoni Kattolika, jiġifieri l-bżonn li tkun preżenti fil-ħabsijiet, fl-isptarijiet, fit-toroq, fil-mandraġġi, fil-fabbriki, l-AKM ħasset il-bżonn li tagħmel użu aħjar mill-postijiet li hija responsabbli tagħhom.

Għaldaqstant, id-dar f’Ħal Balzan li bħalissa tintuża għall-formazzjoni ta’ gruppi tal-adulti se tgħaddi minn manutenzjonijiet sabiex ma tibqax biss ċentru ta’ formazzjoni. Id-dar tikkonsisti minn żewġ kmamar u kamra tal-banju fis-sular t’isfel u tliet kmamar fl-ewwel sular. L-iżvilupp mixtieq huwa li s-sular t’isfel jibqa’ post ta’ formazzjoni, filwaqt li s-sular ta’ fuq jinbidel f’xelter temporanju u refuġju f’każ ta’ bżonn. Is-sular ta’ fuq se jkun attrezzat bi kċina, kamra tal-banju u kamra tas-sodda li tista’ traqqad sa erba’ persuni. L-AKM spjegat li wieħed se jkun jista’ jagħmel użu minn dan il-post sakemm isibu residenza permanenti.

Fl-istqarrija ġie spjegat li hemm bżonn xogħol kbir ta’ manutenzjoni li jinkludi t-tibdil ta’ madwar sitt travi, isir il-membrane fuq il-bejt, isir xogħol ta’ kisi u jiġu installati kċina, kmamar tal-banju u l-għamara kollha li hemm bżonn biex il-post ikun abitabbli.

Permezz ta’ Hotjar, s’issa l-AKM irnexxiela takkwista fondi ta’ €15,000. Għaldaqstant tirrimarka li fadal ħafna aktar spejjeż u l-appell jibqa’ għall-pubbliku li potenzjalment jista’ jikkontribwixxi xi ħaġa għal dan il-proġett.

Dawk kollha li jixtiequ jagħmlu donazzjoni jistgħu jikkuntattjaw lill-AKM fuq info@akmalta.org jew 21222239. Id-donazzjoni tista’ ssir ukoll l-Azzjoni Kattolika Maltija, fl-Istitut Kattoliku l-Furjana jew permezz ta’ depożitu fil-kont bankarju tal-BOV: MT27VALL22013000000040023865211.