Ara kif tista’ tgħin fl-Istrina permezz tar-riċiklaġġ

Il-President ta’ Malta nieda d-disa’ edizzjoni ta’ ‘Nirriċikla għall-Istrina’, li nħolqot minn GreenPak bl-għan li jinġabru tunnellati kbar ta’ tappijiet biex skont kemm jinġabru, tingħata donazzjoni lill-Malta Community Chest Fund Foundation (MCCFF).

Għal din il-kampanja jinġabru biss tappijiet ta’ fliexken tal-plastik, bħalma huma tappijiet tal-ilma u tas-softdrinks, kif ukoll tappijiet oħra tal-plastik li ma jkunx fihom kartuna jew fojl fuq ġewwa.

Is-sena l-oħra nġabru aktar minn 55 tunnellata ta’ tappijiet tal-plastik u b’hekk ingħatat donazzjoni ta’ €21,000 lill-MCCFF. Waqt konferenza tal-aħbarijiet ingħataw id-dettalji dwar din l-inizjattiva, li qed issir b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ GreenPak Mario Schembri qal li permezz tar-riċiklaġġ tat-tappijiet ikun qed jiġi evitat ir-rimi ta’ skart barra. Il-Ministru għall-Ambjent José Herrera ħeġġeġ għall-parteċipazzjoni ta’ kulħadd f’din l-inizjattiva. Fid-diskors tiegħu, il-President George Vella qal li din l-inizjattiva għandha għan doppju; li tieħu inkonsiderazzjoni l-ambjent u l-aspett ta’ għajnuna soċjali.  

Kull min jixtieq jieħu sehem f’din l-inizjattiva jista’ jirreġistra fuq mccf.store, filwaqt li fuq is-sit elettroniku hemm tagħrif dwar il-positijiet fejn jistgħu jittieħdu t-tappijiet.

Kull istituzzjoni, kumpanija jew għaqda li tixtieq tissieħeb fl-edizzjoni ta’ din is-sena tista’ tikkuntattja lill-GreenPak billi żżur il-website ta’ GreenPak jew iċċempel fuq: 2166 0233.