Ara kif tista’ tevita li jqarrqu bik

Anti-money laundering

Il-Pulizija spjegat kif wieħed jista’ jevita li jqarrqu bih fil-każ ta’ ħasil tal-flus.

Li ġġorr il-flus għall-ħaddieħor huwa forma ta’ ħasil tal-flus. Fuq Facebook, il-Pulizija spjegat li ġġorr il-flus (li tkun kurrier) tfisser li tircievi ħlas biex tgħaddi flejjes minn persuna għal oħra.

Il-Pulizija spjegat li tista’ toqgħod attent għal opportunitajiet li joffru flus faċli, u riklami ta’ kumpaniji barranin ifittxu “aġenti lokali”. Qalet ukoll li żbalji fil-grammatika u l-ortografija jaf ikunu indikattivi. Indirizzi tal-imejl ta’ kumpaniji ġeneralment ikollhom isem il-kumpanija, u mhux isem tas-servizzi bla ħlas (bħal Gmail u Hotmail). Nuqqas ta’ dettalji u kuntatt onlajn biss jaf jindikaw xogħol illegali wkoll.

Skont il-Pulizija, il-kriminali jużaw kuntatt dirett personalment jew b’imejl, messaġġi, midja soċjali jew riklami oħrajn biex jimpjegaw kurriera ta’ flus. L-iktar nies komuni li jiġu avviċinati huma persuni taħt il-35 sena, dawk li jkunu għadhom ġodda fil-pajjiż, u nies b’diffikultajiet finanzjarji.

Dan kollu tista’ tipprevjenih billi tfittex fuq l-kumpanija u l-persuna li qed toffrilek ix-xogħol, billi ma tagħtix dettalji bankarji lil nies li ma tafdax, u tirrifjuta opportunitajiet għal flus faċli.