Ara kif tista’ tagħmel appuntament għal żjara f’San Vinċenz

Mit-Tnejn 13 ta’ Lulju, dawk kollha li għandhom xi qraba jew ħbieb li jinsabu residenti f’San Vinċenz De Paul setgħu jerġgħu jibdew iżuruhom.

Fi stqarrija l-Faċilità għall-Kura fit-Tul San Vinċenz De Paul spjegat li l-pubbliku huwa mitlub li jagħmel appuntament sabiex ikun jista’ jżur ir-residenti.

L-Appuntament jista’ jsir permezz ta’ telefonata fuq 22912373 jew inkella permezz ta’ email fuq svpr-customercare.mfcs@gov.mt.

Kull min jixtieq juża l-email għandu jinkludi isem ir-resident jew residenta, is-sala fejn jinsab, isem il-viżitaturi, in-numru tal-identità, id-data u l-ħin taż-żjara. Tajjeb li wieħed iżomm f’moħħu li kull viżta jistgħu jattendu sa żewġ persuni u l-ħinijiet taż-żjajjar huma bejn l-10:30am u 12:00pm jew bejn l-4:00pm u s-7:00pm. Dawk kollha li se jibagħtu email għandhom jinkludu n-numru tat-telefon jew tal-mobile sabiex l-istaff ta’ San Vinċenz ikun jista’ jikkuntattja lill-qraba f’każ li jkun hemm bżonn ta’ xi kjarifika.