Ara kif tista’ ssegwi l-flyovers tal-Marsa

Infrastructure Malta

Tista’ ssegwi l-bini tas-seba’ flyovers tal-Marsa Junction Project onlajn permezz ta’ kameras li ġew installati madwar is-sit tal-proġett biex juru l-andament tax-xogħlijiet b’mod dirett. Infrastructure Malta spjegat li normalment ma jkunx possibbli li jsiru żjarat fuq is-sit għal raġunijiet ta’ sigurtà. B’hekk il-kameras qed jiftħu tieqa fuq ix-xogħol kollu li jkun għaddej għal dawk kollha li l-proġett jolqothom direttament, fosthom ir-residenti tal-inħawi u dawk li ta’ kuljum jivvjaġġaw minn din il-junction.

B’mod temporanju sakemm jitlestew l-istrutturi tat-tielet u r-raba’ flyover kmieni s-sena d-dieħla, wieħed irid jgħaddi minn fuq l-ewwel żewġ flyovers li se jinfetħu fi tmiem il-ġimgħa. Infrastructure Malta qalet li dawn iż-żewġ flyovers magħqudin flimkien se jieħdu post ir-rotta eżistenti li tgħaddi mill-junction tat-traffic lights ħdejn iċ-Ċimiterju tal-Addolorata. Infrastructure Malta appellat lil dawk li se jivvjaġġaw minn din il-junction fil-jiem li ġejjin biex isegwu s-sinjali sofor li se jservu biex iwasslu lis-sewwieqa għar-rotta l-ġdida fid-direzzjoni tan-nofsinhar, minn fuq il-flyovers.

Il-limitu ta’ veloċità ġiet imnaqqsa għal 30km fis-siegħa.

L-aġenzija qed tikkollabora wkoll mal-Pulizija u Transport Malta biex toffri assistenza lil dawk li jkunu għaddejjin mill-inħawi. Pulizija mit-Taqsima tat-Traffiku u uffiċjali ta’ Transport Malta qed ikunu stazzjonati fl-inħawi biex isegwu dak li jkun għaddej fit-toroq li jwasslu għall-junction tal-Addolorata u jieħdu azzjoni immedjata f’każ li jinqalgħu diffikultajiet.

Infrastructure Malta qed tagħmel live streaming tax-xogħlijiet minn hawn.