Ara kif tista’ ddur id-dinja mingħajr ma tħallas xejn

Dawk kollha li jħobbu jsiefru ġeneralment jaħtfu kull tip ta’ avventura li tiġi fi ħdanhom. Kumpanija tat-tours qed tittama li tieħu din l-attitudni pass ‘il quddiem u qed toffri vjaġġ madwar id-dinja mimli sorpriżi. Madanakollu hemm xi ħaġa waħda li r-rebbieħ irid jagħmel: il-vjaġġ tiegħu irid jaqsmu ma’ persuna li qatt ma ltaqa’ magħha.

TourRadar, l-ikbar aġenzija onlajn tal-ivvjaġġar qed tfittex żewġ persuni li qatt ma ltaqgħu sabiex jivjaġġaw flimkien bħala parti mill-kampanja Tour the World. Il-vjaġġ jinkludi numru ta’ tours f’ħames pajjiżi differenti mifruxin ma’ ħames kontinenti differenti. Huma mbagħad jaqsmu l-vjaġġ tagħhom fuq il-midja soċjali.

Tim professjonali se jkun qed jieħu filmati taż-żewġ rebbieħa waqt li jkunu qed jivjaġġaw sabiex jiġġenera kontenut għall-midja soċjali ta’ TourRadar. Minbarra li mhux se jkollom idea ma’ min se jkunu qed jivjaġġaw, iż-żewġ persuni mhux se jkunu jafu fejn sejrin sakemm jinqatgħu t-titjiriet tagħhom. Huma se jkunu jafu biss li se jkunu qed jivjaġġaw f’ħames pajjiżi, filwaqt li l-vjaġġ se jieħu bejn 50 u 60 ġurnata biex jiġi komplut. It-titjiriet, l-akkomodazzjoni, l-ispejjeż u l-ikel se jkunu mħallsin kollha mill-kumpanija.

Jekk tixtieq tiġi kkunsidrat għal dan il-proġett, trid tissottometti filmat ta’ żewġ minuti fejn tispjega għaliex inti għandek tkun il-persuna li tintgħażel. Il-filmat irid jiġi sottomess sal-24 ta’ Marzu. Ir-rebbieħa mbagħad jiġu mħabbra f’April u l-esperjenza tibda f’Mejju.