Ara kif se tibda topera l-Air Malta la jiftaħ l-ajruport

REUTERS/Amanda Perobelli

L-Air Malta ħabbret il-mod ġdid kif se tibda topera ladarba jiftaħ l-ajruport u tkun tista’ topera aktar titjiriet apparti dawk ta’ ripatrijazzjoni u bl-ekwipaġġ mediku.

L-ajruport ilu magħluq għal madwar xahrejn, minn meta Malta ntlaqtet mill-imxija tal-coronavirus.

Għaldaqstant, mill-1 ta’ Ġunju ‘l hemm, il-passiġġieri li jtiru bl-Air Malta jridu jilbsu maskra l-ħin kollu ta’ bilfors, minn xħin ikunu se jitilgħu fuq l-ajruplan sa xħin jinżlu. Huwa rakkomandat li l-maskra tintlibes fl-ajruport ukoll. Min jinqabad mingħajrha ma jitħalliex jitla’ fuq l-ajruplan.

Il-maskri jistgħu jitneħħew għall-ikel u x-xorb. Il-linja tal-ajru enfasizzat li l-maskra għandha tkun addattata u tgħatti l-imnieħer u l-ħalq.

😷 | Preparing for the 'new' way of travelling…Evidence suggests that the risk of transmission on board an aircraft…

Posted by Air Malta on Thursday, May 28, 2020

L-unika eċċezzjoni se ssir għal dawk il-passiġġiera li jbatu biex jieħdu n-nifs, jew għandhom kundizzjonijiet oħra li ma jippermettulhomx li jilbsu l-maskra għal tul ta’ ħin. F’dawn il-każijiet, il-passiġġiera għandhom jinfurmaw lill-impjegati meta jagħmlu ċ-check-in.

Tfal ta’ taħt is-sitt snin ma jridux jilbsu maskra anqas.

F’każ ta’ emerġenza u l-bżonn tal-ossiġnu, il-maskra għandha titneħħa.

Il-linja tal-ajru qiegħda tagħmel kwestjonarju lill-passiġġiera qabel dawn jitilgħu fuq l-ajruplan, sabiex tistaqsihom dwar saħħithom u jekk kellhomx sintomi tal-coronavirus, pereżempju.

Għadu mhuwiex magħruf meta se jiftaħ l-ajruport, għalkemm rapporti fil-midja lokali llum issuġġerew li l-ajruport se jiftaħ f’nofs Lulju li ġej. Din il-ġimgħa, Prof. Charmaine Gauci qalet li għadha ma ttiħditx deċiżjoni.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn