Ara kif se jaħdem is-servizz ta’ tal-linja fi żmien il-festi

Matul il-jiem li ġejjin is-servizz ta’ tal-linja se jkun qed jopera bi skeda ridotta. Is-servizz se jerġa’ lura għan-normal il-Ħamis 2 ta’ Jannar 2020.

Fi stqarrija l-Malta Public Transport qalet li nhar il-Milied u l-Ewwel tas-Sena, ir-rotot kollha se joperaw skont il-ħinijiet tal-Ħadd. Is-servizz, inkluz it-TDPlus, se jkun sospiż bejn 12pm u 3pm, bl-aħħar karozzi jitilqu bejn l-10am u 11.30am jiddependi mit-tul tal-vjaġġ.

Dawn jerġgħu jkomplu bejn 3pm u 4pm, skont l-iskedi tagħhom. Is-servizz jibqa’ għaddej sad-9pm, bl-aħħar karozzi jitilqu bejn 7.30pm u 9pm jiddependi mit-tul tal-vjaġġ. Ir-rotot ta’ billejl ma joperawx dakinhar.

L-uffiċini tal-biljetti kif ukoll il-Call Centre ta’ Malta Public Transport ikunu magħluqin fil-Milied u fl-Ewwel tas-Sena.

It-Tnejn 23, il-Ħamis 26 u t-Tnejn 30 ta’ Diċembru, il-vjaġġi se joperaw skont il-ħinijiet tas-Sibt. Rotot 49 għall-Għadira, 50 għar-Rabat u 90 għal Ħaż-Żabbar se jżommu l-iskeda normali, iżda r-Rotot ta’ Billejl li se joperaw huma N13 u N212.

It-Tlieta 24, il-Ġimgħa 27 u t-Tlieta 31 ta’ Diċembru, il-vjaġġi se joperaw skont il-ħinijiet tas-Sibt. Rotot 49 għall-Għadira, 50 għar-Rabat u 90 għal Ħaż-Żabbar se jżommu l-iskeda normali, u r-Rotot ta’ billejl kollha se joperaw bħas-soltu.

Is-Sibt 28 u l-Ħadd 29, il-vjaġġi se jsiru skont l-iskedi normali tal-ġurnata, bir-Rotot ta’ Billejl joperaw kollha is-Sibt u r-rotot N13 u N212 joperaw matul il-lejl tal-Ħadd.

L-MPT awguraw lill-klijenti kollha l-festi t-tajba.