Ara kif jista’ jsir it-taħriġ sportiv bejn 6 persuni mil-lum

Getty Images

Is-Segretarju Parlamentari għall-Isport Clifton Grima laqa’ b’sodisfazzjon l-illaxkar tal-miżuri li jikkonċernaw l-isport mil-lum, issa li fil-ġranet li ġejjin se jiftħu numru ta’ faċiliatjiet sportivi fuq barra ta’ SportMalta u l-atleti se jkunu jistgħu jerġgħu jipprattikaw l-isport tagħhom fil-miftuħ.

Fi stqarrija mibgħuta dalgħodu, is-Segretarjat ħareġ xi linji gwida għal kif issa jista’ jsir l-isport fil-miftuħ.

  • It-taħriġ jista’ jsir fi gruppi ta’ sitta u jista’ jkun magħmul minn ħames atleti u kowċ, jew grupp ta’ sitt atleti.
  • L-atleti għandhom ikunu mbegħdin minimu ta’ tliet metri għall-isport kollu ħlief għal xi ftit eċċezzjonijiet fejn id-distanza minima hija ta’ żewġ metri.
  • L-atleti għandhom jitħarrġu fi gruppi tal-istess ħames jew sitt individwi matul is-sessjonijiet kollha ta’ taħriġ tagħhom, u m’għandhomx jaqilbu gruppi għal xi raġuni.
  • Il-kowċis għandhom jitqiesu bħala parti mill-grupp (jekk ikun hemm) u għandhom iżommu distanza ta’ tliet metri u jilbsu maskra.
  • Mhux permess li tagħmir jissellef minn atleta għal ieħor.
  • In-numru totali ta’ persuni permessi fil-post għandu jammonta għal mhux aktar minn persuna waħda għal kull 20 metru kwadru ta’ spazju ta’ taħriġ.

Apparti l-isport, il-miżuri li ġew illaxkati llum se jippermettu li jinfetħu r-ristoranti, il-parrukkiera u l-barbiera, il-beauticians, tad-dwiefer u s-swieq. Din l-aħbar ma ntlaqgħetx tajjeb minn kulħadd peress li għadd ta’ għaqdiet tal-ħaddiema tas-saħħa wissew li Malta tinsab fil-bidu tat-tieni mewġa tal-coronavirus, u għaldaqstant, ikun aħjar jekk dawn il-miżuri jiġu posposti b’ġimagħtejn.

Is-Segretarju Parlamentari Grima qal li dan kollu ma kienx ikun possibbli mingħajr is-serjetà, kreattività u dixxiplina ta’ numru sabiħ ta’ assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet nazzjonali li kienu proattivi u avviċinaw lis-Segretarjat Parlamentari u lil SportMalta bis-suġġerimenti u r-rapporti dettaljati tagħhom u, fis-silenzju u b’koordinazzjoni, ħadmu flimkien sabiex, wara numru konsiderevoli ta’ laqgħat, fl-aħħar ittieħdu l-aħjar deċiżjonijiet sabiex l-attività ta’ numru ta’ dixxiplini sportivi terġa’ tibda.

Grima appella għas-serjetà u sabiex l-atleti jsegwu dawn il-miżuri u regolamenti sabiex il-ġid li sar fil-konfront tal-coronavirus ma jintilifx.

Għal iktar informazzjoni, l-għaqdiet, assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet sportivi għandhom jirreferu għal-linji gwida ppubblikati u jistgħu jagħmlu kuntatt ma’ SportMalta fuq info@sportmalta.org.mt.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn