Id-dinja kollha llum qiegħda tiċċelebra jum maġiku, il-jum tat-twelid ta’ Ġesù Bambin. Imma mhux kulħadd jiċċelebrah l-istess. Hawn Malta, pereżempju, għandna l-pudina tal-Milied, nagħmlu l-prietka tat-tifel waqt il-quddies ta’ nofsillejl, u l-purċissjoni mat-toroq Maltin bl-istatwa ta’ Ġesù tarbija fil-maxtura.
Imma pajjiżi oħra kif jiċċelebrawh il-Milied?
- Il-Filippini

Il-Filippini jagħmlu Festival tal-Fanali Kbar (Giant Lantern Festival, jew Ligligan Parul Sampernandu) li jsir kull sena s-Sibt ta’ qabel il-Milied f’San Fernando. 11-il villaġġ jipparteċipaw f’dan il-festival kompetittiv biex jippruvaw joħolqu l-aktar fanal elaborat. Dawn il-fanali jkunu kbar madwar 6 metri u jkollhom bozoz li jixegħlu f’forma ta’ kalejdoskopju.
- L-Iżvejza

Mill-1966 ‘l hawn, tul l-Avvent fl-Iżvezja, tiddomina mogħża ta’ 13-il metru msejħa ‘Yule Goat’. Din tkun fil-Pjazza tal-Kastell f’Gävle. Minn din inħolqot tradizzjoni oħra, ta’ nies li jippruvaw jaħarquha. Irnexxielhom jaħarquha 29 darba, l-aktar darba riċenti kienet fl-2016.
- L-Awstrija

Fl-Awstrija jitfaċċa r-rivali ta’ Santa Klaws, li hu Krampus, dimonju qisu mostru li jdur it-toroq Awstrijaki u jbeżża’ lit-tfal. Fit-tradizzjoni Awstrijaka, San Nikola hu dak li jagħti rigali sbieħ lit-tfal, filwaqt li Krampus hu dak li jaqbad lit-tfal li jkunu mqarbin u jitfagħhom fl-ixkora tiegħu.
Fl-ewwel ġimgħa ta’ Diċembru, ġuvintur jilbsu ta’ Krampus u joqogħdu jbeżżgħu lit-tfal.
- Il-Ġappun

Il-Milied mhuwiex festa kbira fil-Ġappun, iżda f’dal-aħħar snin, nibtet id-drawwa li l-Ġappuniżi jkollhom ikla mingħand il-KFC (Kentucky Fried Chicken).
- L-Iżlanda

Fit-13-il ġurnata ta’ qabel il-Milied, 13-il karattru partikolari jitfaċċa fl-Iżlanda, magħrufin bħala Yule Lads, li jkunu lebsin kostumi tipiċi tal-Iżlanda. Dawn iżuru lit-tfal, li jkunu qiegħdu l-aħjar żarbun tagħhom fejn it-tieqa. Il-Yule Lads iħallu rigal għat-tfal il-bravi u patata bis-susa għall-imqarbin.
- Il-Ġermanja

Fil-Ġermanja, Nikolaus (mhux Missier il-Milied), jivvjaġġa fil-lejl tas-6 ta’ Diċembru bil-ħmar u jħalli muniti, ċikkulata, larinġ u ġugarelli fiż-żraben tat-tfal il-bravi Ġermaniżi, speċjalment fir-reġjun ta’ Bavarja.
- In-Norveġja

Fin-Norveġja, f’lejlet il-Milied, in-nies jaħbu l-ixkupi tagħhom. Din it-tradizzjoni tmur lura żmien twil, meta n-nies kienu għadhom jemmnu li s-sħaħar u l-ispirti l-ħżiena joħorġu f’lejlet il-Milied ifittxu xkupi x’jużaw biex itiru.
- Venezwela

F’Venezwela, in-nies imorru l-Knisja kmieni filgħodu, imma jmorru bir-roller skates. Fil-fatt, il-karozzi ma jitħallewx jgħaddu. Wara l-Knisja, il-Venezwelani jieklu t-tamales – wrap mimlija bil-laħam.