Ara kif Cole, Honey u Sasha se jgħinu lil tfal bl-awtiżmu

Read in English.

Cole, Honey u Sasha huma tlitt iklieb tar-razza labrador li jinsabu fl-aħħar fażi tat-taħriġ tagħhom biex ikunu jistgħu jassistu persuni bl-awtiżmu.

L-Erbgħa, il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli attendiet għal sessjoni ta’ taħriġ ta’ tlitt iklieb tas-servizz f’Ta’ Qali. Il-Ministru għamlet din iż-żjara fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali ddedikat lil persuni b’diżabilità li jiġi ċċelebrat fit-3 ta’ Diċembru.

Dawn it-tlitt iklieb huwa assenjati lill-familji li għandhom persuna bl-awtiżmu. It-taħriġ qiegħed jingħata minn Robert Spiteri mis-Service Dogs Malta Foundation.

Dawn it-tlett iklieb qegħdin jiġu mħarrġa biex jgħinu lit-tfal bl-awtiżmu fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum, per eżempju billi jkunu ta’ wens f’sitwazzjonijiet li t-tfal isibuhom diffiċli.

Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli faħħret ix-xogħol fis-skiet li jsir minn din il-fondazzjoni u semmiet kif jeħtieġ li titqajjem iżjed kuxjenza dwar il-klieb tas-servizz. Hija spjegat li wieħed m’għandux imelles kelb meta dan ikun liebes il-harness ħamra bil-kliem service dog. Il-Ministru enfasizzat li huwa importanti li minn età żgħira it-tfal jitgħallmu dwar il-klieb tas-servizz u x’inhi l-funzjoni tagħhom, biex meta jaraw tfal bħalhom akkumpanjati minn kelb tas-servizz jifhmu mingħajr il-bżonn li jistaqsu.

Bħalissa, hemm sebat iklieb isegwu dan il-programm u żewġt iklieb oħra li qed jiġu mħarrġa biex jgħinu nies bid-dijabete. Suzy hi l-iżgħar kelba fil-programm u l-ħiliet tagħha għadhom qed jiġu skoperti.

Meta l-klieb jikkwalifikaw bħala klieb ta’ servizz, huma jingħataw lill-familji għal dejjem. Bil-liġi, klieb tas-servizz jistgħu jmorru kullimkien mal-handler tagħhom, inkluż ġo ħwienet u supermarkets, ristoranti, postijiet tax-xogħol u fuq trasport pubbliku. Bħalissa, hemm tmint iklieb ikkwalifikati bħala klieb tas-servizz mill-fondazzjoni.

Preżenti għal dan it-taħriġ kien hemm ukoll l-Operations Manager tal-Fondazzjoni Joseph Stafrace u Joanne Cremona.

Min jixtieq isir jaf aktar dwar dawn il-klieb, japplika għal wieħed, jgħin volontarjament jew jagħti xi donazzjoni, jista’ jikkuntatja lis-Service Dogs Malta Foundation.