“Ara kemm huma ħajjin!” – il-Maltin jieklu aktar ħut frisk

Il-bejgħ ta’ ħut frisk f’Malta żdied bi 15.4% fl-2016, meta mqabbel mas-sena ta’ qabel, hekk kif inbiegħu madwar 12-il tunnellata u nofs ħut frisk fis-swieqi Maltin.
Ewlieni għal diż-żieda kien il-bejgħ tat-tonn u l-ispnott, b’żieda ta’ 25% u 43% rispettivament, filwaqt li l-bejgħ tal-paġell u ħut ieħor naqas b’5% u 73% rispettivament.
Dawn l-istatistiċi mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) jittrattaw id-dinamika tas-settur tal-akwakultura f’Malta s-sena l-oħra, u fost l-oħrajn jindikaw kif fis-sena msemmija, l-industrija ġġenerat madwar €160 miljun fl-ekonomija, jiġifieri żieda ta’ 22% fuq l-2015.
L-industrija tistrieħ l-aktar fuq l-irziezet tat-tonn u speċi oħra tal-istaġun.
Ħlas għall-ħaddiema f’das-settur kien jammonta għal kważi €4 miljun, u d-dħul totali għan-negozji kien ta’ kważi €7 miljun.
B’kollox f’Malta hawn 6 irziezet tat-tonn.
Ritratt: Ian Noel Pace