Ara kemm ġabar flus bil-kejkiet li għamel

Ftit tal-ġranet ilu, iċ-ċkejken Jamie Saliba La Rosa ħa l-inizjattiva li jagħmel il-kejkijiet u jmur, flimkien ma’ ommu Evelyn, idur ix-Xemxija iqassam lir-residenti biċċa kejk u jiġbor donazzjonijiet għall-klieb li hemm f’Naoh’s Ark.

Proprju illum il-Ħadd, Jamie flimkien mal-ġenituri tiegħu Evelyn Saliba La Rosa u Adrian Saliba, li nafuhom fil-qasam at-televiżjoni permezz ta’ sensiliet bħal F’Ġieħ L-Imħabba, Sorelle u Ħbieb u Għedewwa fost ħafna oħrajn, żaru s-santawarju ta’ Noah’s Ark fejn għaddew il-flus li nħġabru, b’kollox €297.65ċ.

Din hija biss il-bidu ta’ inizjattiva li ċ-ċkejken Jamei qiegħed jieħu għax mill jidher mhux se tieqaf hawn. Fil-fatt ix-xahar id-dieħel Jamie, taħt  is-supervizzjoni ta’ ommu Evelyn, se jerġa’ jkun qed jagħmel aktar kejkiet, li wara se jkunu qed iqassmu minnhom fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar.

Evelyn ħadet l-opportunità biex f’isem Jamie tirringrazzja lir-residenti tax-Xemxija li laqgħu l-inizjattiva li dan it-tifel ħa.

Prosit tassew Jamie. Nittamaw li l-inizjattiva tiegħek tispira tfal u ġenituri oħra biex jimpenjaw rwieħhom f’attivitajiet simili b’risq l-annimali li hemm fis-santwarji.