Ara jgħoddx għalik l-iSports & Exercise Medicine Summer Course

Il-ħames edizzjoni tal-iSports & Exercise Medicine Summer Course se jiġi organizzat Malta bejn is-26 u t-30 ta’ Awwissu. F’Malta se jiltaqgħu uħud mill-aktar esperti rispettati fil-qasam tal-isport u l-mediċina relatata mal-eżerċizzju.

Il-Kelliema li ġejjin minn seba’ pajjiżi differenti, se jaqsmu għarfien u kunċetti mill-aktar riċenti dwar il-mediċina sportiva fil-prevenzjoni, dijanjosi, trattament u riabilitazzjoni ta’ korrimenti dovuti mill-attività sportiva. Il-kors se jinkludi sessjonijiet kif wieħed jista’ juża x-xjenza tal-isport biex ittejjeb il-prestazzjoni.

Il-kors li hu mifrux fuq ħamest ijiem, qed jiġi ospitat mill-Kumitat Olimpiku Malti b’kollaborazzjoni mal-Olympic Solidarity, l-Italian Society of Muscles, Ligaments & Tendons u il-World Society of Sports and Exercise Medicine.

Dr Kirill Micallef Stafrace, direttur tal-Kumitat Olimpiku Malti u organizzatur tal-kors qal li tul il-kors se jkun hemm numru ta’ suġġetti li huma ta’ interess għal dawk involuti fl-isport iżda mhux neċessarjament fil-mediċina.