Filmat: Ġudikatura li tiddependi mir-rieda tajba tal-PM, ma tistax tkun indipendenti – Giovanni Bonello

L-Imħallef Emeritu Giovanni Bonello qal li sakemm il-ġudikatura tibqa’ tkun kontrollata mill-Gvern, ma tistax tikkwalifika bħala ‘independenti u imparzjali’.

Filmat: ‘Il-Kostituzzjoni hi biċċa karta, jekk ma titħaddimx kif suppost’ – Imħallef Emeritu

Bonello, li kien appuntat Imħallef fil-Qorti Ewropea għad-Drittijiet Umani fl-1998, kien intervistat minn Newsbook.com.mt dwar ir-riforma kostituzzjonali proposta mill-Gvern.

L-Eks Imħallef qal li l-kostituzzjoni hi tajba sakemm tkun rispettata. Huwa qal li l-ġudikatura ma tikkwalifikax bħala indipendenti skont il-kriterji tal-konvenzjoni għad-drittijiet umani sakemm tibqa’ tkun kontrollata mill-Eżekuttiv.

Il-Kostituzzjoni Maltija tipprovdi għas-separazzjoni tal-poteri bejn l-Eżekuttiv (il-Gvern), il-leġislattiv (il-Parlament) u l-ġudikatura. Kull fergħa għandha ċertu poteri li jibbilanċjaw, jikkontrollaw u jagħmlu skrutinju fuq xulxin. Madanakollu, skont Bonello, dawn il-poteri huma kollha fil-but tal-Prim Ministru u min suppost jikkontrolla hu fil-but ma’ min għandu jiġi kontrollat.

“Dak li hemm fundamentalment ħazin u dan mhux fil-kostituzzjoni qiegħed, iżda fil-mod kif titħaddem il-kostituzzjoni,” hu stqarr.

“Il-Ġudikatura suppost hi imparzjali iżda kull Maġistrat u Imħallef li hawn Malta jaf xogħol lill-Prim Ministru, għax għoġob lillu. Biex jiġi elevat għal Imħallef irid jogħġob lill-Prim Ministru, biex jintbagħat jaħdem fil-qrati Ewropej irid jogħġob lill-Prim Ministru u jekk irid impjieg wara l-pensjoni jrid jogħġob lill-Prim Ministru. Għidli kif jista’ jkollok ġudikatura indipendenti meta kollox jiddependi mir-rieda tajba tal-Prim Ministru,” Bonello staqsa.

Hu stqarr li filwaqt li l-prinċipju kien dejjem hekk fil-passat kien jitħaddem b’mod differenti. Hu qal li abbużi kien hemm qabel ukoll iżda fil-passat kandidati laburisti bħal Philip Sciberras u l-Prim Imħallef Joe Azzopardi ġew nominati għall-bank tal-ġudikatura minn Gvern Nazzjonalista.

“Illum hu differenti jekk saru 18-il maġistrat u Imħallef ġdid, tista’ tgħid li huma l-brigata Laburista kollha kemm hi. Minn 18 hemm 16 kollha kemm huma marbutin fil-but tal-Partit u forsi hemm tnejn li ma nafux eżattament kif saru,” hu qal.