Aġġornata bil-filmat (1): Moviment Graffitti jmur quddiem il-Ministeru għat-Trasport

L-attivisti mill-Moviment Graffitti u dawk li ngħaqqdu magħhom, marru quddiem il-Ministeru għat-Trasport fil-Furjana.

Quddiem il-Ministeru kien hemm il-Ministru għat-Trasport Ian Borg, il-Ministru għall-Ambjent Jose Herrera u s-Segretarju Parlamentari Chris Agius. Il-Ministru Borg stieden lill-attivisti biex jidħlu ġewwa, iżda dawn irrifjutaw l-invit minħabba problema ta’ loġistika. Waqt id-diskussjoni barra l-Ministeru, l-Ministru Borg saħaq li r-reviżjoni tal-politika dwar il-pompi tal-petrol se tiġi ppubblikata f’April.

Andre Callus li tkellem f’isem l-attivisti qal lill-Ministri li l-politiċi kaxkru saqqajhom dwar il-publikazzjoni tar-reviżjoni. Għall-aħbar li r-reviżjoni se tiġi ppubblikata f’April dan allura jfisser li l-proċess għadu biss se jibda.

L-attivisti ilhom mill-Ġimgħa kkampjati quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar wara li iktar kmieni dil-ġimgħa wissew li se jkunu qed jieħdu iktar azzjonijiet diretti, hekk kif minkejja l-policy dwar il-pompi tal-petrol kienet ‘il fuq minn sena li ġiet imwegħda, l-Awtorità baqgħet tapprova l-permessi filwaqt li l-politika l-ġdida għadha ma ħarġietx.

L-għaqda Repubblika iktar kmieni wriet l-appoġġ tagħha mal-Moviment Graffitti fi stqarrija.

Iktar kmieni

Kompliet il-protesta tal-Moviment Graffitti quddiem ir-rixtellu priċipali tal-Awtorità tal-Ippjanar fil-Floriana bi pjani li l-ministru responsabbli jingħata dokument li jelenka l-ilmenti tal-Moviment.

Dan l-hekk imsejjaħ ‘Assedju’ simboliku qed isir bi protesta għall-mod kif il-MOviment Graffitti qal li l-Awtorità tal-Ippjanar qed tagħti permissi ta’ bini ta’ pompi tal-fuel massiċċi li, fl-imkien jiġu jkopri madwar sitt darbiet il-Fosos tal-Floriana. F”villaġġ’ żgħir ta’ għadd ta’ tined, il-protestanti qalu li l-permessi qed ikunu approvati minkejja li aktar minn sena ilu, il-gvern kien wiegħed reviżjoni tal-policy dwar il-fuel stations. Qalu ukoll li dawn l-approvazzjonijiet jikkuntrastaw bil-qawwi ma dak li qal il-Prim MInistru Muscat li sa ftit taż-żmien ieħor, il-karrozzi f’Malta se jkunu tal-elettriku.

Aqra ukoll: Aġġornata: Filmat: Assedju ta’ kampijiet minn Moviment Graffitti quddiem il-PA

Aktar minn sena ilu, Moviment Graffitti kien qajjem kommozzjoni waqt laqgħa tal-Awtorità tal-Ippjanar biex jipprotesta dwar l-istess ħaġa. Kien ara dik il-protesta li l-gvern kien għamel il-wegħda tiegħu li, skont l-ENGO, s’issa għadha ma ssarffitx.

Aqra ukoll: “Il-mira tagħna il-PA, mhux il-Pulizija” – Graffiti

Fid-diskors tiegħu ta’ nhar ta’ Ħadd, il-Prim Ministru Joseph Muscat semma li dalwaqt titħabbar id-data li fiha Malta taqleb għal karrozzi bl-elettriku.

Aqra ukoll: Daqshekk xiri ta’ karozzi tal-fossil fuels meta naqilbu għal dawk bl-elettriku – Muscat

Republika tappoġġja

Intant, l-NGO Republika ħarġet tappoġġja il-protesta tal-Moviment Graffitti.

Repubblika qalet li “Huwa evidenti li l-Awtorita’ tal-Ippjanar hija istituzzjoni oħra tal-Istat li sfat maħtufa, li minflok tħares il-ġid komuni tiffaċilita l-abbuż illeġittimu tar-riżorsi naturali ta’ pajjiżna mill-iżviluppaturi rgħiba.” Qalet ukoll li taqbel mal-Moviment Graffiti li sakemm il-fuel service station policy tkun emendata b’mod adegwat, l-Awtorita’ tal-Ippjanar m’għandha tapprova l-ebda permess għal pompi tal-petrol ġodda jew għar-rilokazzjoni ta’ dawk diġa’ eżistenti.