Ara għaliex se jkunu Malta l-eks plejers ta’ United Fortune u Clegg

Manchester United Supporters’ Club Malta, b’ kollaborazzjoni ma’ John Gubba, produttur indipendenti u direttur tal-films, se jkun qed iniedu film dokumentarju ta’ 115-il minuta bit-titlu “The Religion – 60 Years of Loyal Support”.

Il-premiere se jsir nhar is-Sibt 16 ta’ Novembru ġewwa l-Kavallier ta’ San Ġakbru fil-Belt Valletta. L-għada l-film se jintwera għall-ewwel darba f’ Għawdex fil-Grand Hotel fl-Imġarr.

Il-produzzjoni hija kumpilazzjoni ta’ 60 sena filmati meħudin f’avvenimenti tal-klabb, arkivji tal-PBS, filmati tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, arkivji privati u ammont sostanzjali ta’ filmati miġbuda fl-aħħar 5 snin minn meta John Gubba imbarka fuq dan il-proġett.

Il-film dokumentarju jgħaqqad l-ibbumbardjar t’Old Trafford fl-1941, l-ilqit fuq Malta tat-Tieni Gwerra Dinjija u t-tiġrif tal-ajruplan fi Munich fl-1958. MUSC Malta kien imwaqqaf sena wara it-traġedja ta’ Munich u minn dak iż-żmien, Manchester United u l-klabb Malti tas- sapporters evolvew flimkien, b’ ħafna mumenti maqsumin flimkien.

Il-premiere tal-film jaħbat fl-istess żmien tat-tnedija tal-ktieb “A Tale of Two Cities: Manchester & Malta’s Grand Harbour”. Miktub mill-Professur Victor Grech, il-ktieb ta’ 200 paġna juri ritratti ta’ Manchester u tal-Port il-Kbir, u jinkludi rappurtaġġ estensiv taċ-ċelebrazzjonijiet tas-60 sena anniversarju ta’ MUSC Malta.

Żewġ ex-plejers ta’ Manchester United, Quinton Fortune u Michael Clegg, se jattendu għat-tnedija tal-ktieb f’Portomaso nhar il-Ġimgħa 15 ta’ Novembru.

Id-dħul kollu mill-bejgħ tal-ktieb se jingħata b’ donazzjoni lil Beating Hearts Malta. L-ex-plejers se jattendu sessjoni ta’ mistoqsijiet u tweġibiet ġewwa l-Manchester United Supporters’ Club l-Imsida nhar is-Sibt 16 ta’ Novembru fis-2:00pm. Il-pubbliku mistieden jattendi. Il-plejers se jattendu wkoll għall-premiere tal-film.

Aktar informazzjoni dwar dawn l-avvenimenti tista’ ssibha hawn.