Ara għaliex kien qed jiċċelebra Gary Neville

It-tama ta’ Liverpool li jirbħu l-Premier League mingħajr telfa sfaxxat wara li tilfu bl-iskor ta’ 3-0 kontra Watford. Gary Neville, l-eks plejer ta’ Manchester United kien fost tal-ewwel li fetaħ iċ-ċelebrazzjonijiet.

Il-leġġenda ta’ Manchester United deher ferħan se jtir b’dak li ġara ġewwa Vicarage Road. Għal din l-aħbar Neville tella’ vidjow fuq Twitter fejn deher qed jiftaħ flixkun xampanja.

Min-naħa l-oħra l-partitarji ta’ Arsenal kienu qed jibżgħu li r-rekord li kienu waqqfu fl-istaġun tal-2003-04 ta’ 38 logħba bla telfa fil-futbol Ingliż kien se jintilef. Ir-rekord ta’ 49 logħba bla telfa b’mod ġenerali, wkoll kien fil-periklu li jinkiser, iżda Arsenal serħu moħħhom bir-riżultat tal-bieraħ.

Minn ftit ġimgħat ilu, Liverpool bdew jidhru aktar dgħajfa mis-soltu u r-rekord ta’ 44 logħba bla telfa beda jidher li qed jersaq fi tmiemu. Għalkemm ma kellhomx il-qawwa tas-soltu, xorta rnexxielhom jikkonvinċu u jirbħu kontra Norwich u West Ham, iżda kellhom ikunu Watford li jwaqfuhom.