Ara għalfejn għandek toqgħod attent meta tpoġġi it-tiġieġ fil-friġġ

It-tiġieġ huwa wieħed mill-aktar ingredjenti versatili u komuni fuq il-mejda tal-ikel. Iżda għandek toqgħod attent jekk tiddeċiedi li tpoġġih fil-friġġ, tippreparah u anke issajjru.
Nutrizzjonista esperta Ingliża, Many Sacher qalet ma’ Mamamia li meta wieħed ikun qed jiżbarazza x-xirja, jgħaġġel sabiex ipoġġi l-prodotti kollha li għandhom bżonn il-kesħa fil-friġġ u ħafna jagħmlu dan bl-addoċċ.
Sostniet li wieħed qatt ma għandu jpoġġi t-tiġieġ fuq l-ixkaffa ta’ fuq, iżda għandu juża l-ixkaffa t’isfel nett. Dan qalet li jnaqqas ir-riskju li ssir kontaminazzjoni ta’ ikel ieħor fil-friġġ minn xi likwidi li jistgħu joħorġu mit-tiġieġa.
Kompliet tispjega li din hija strateġija sempliċi, li tassigura li l-familja tkun aktar f’saħħitha, iżda li huma ftit li tgħaddilhom minn moħħhom.
Hi spjegat ukoll li meta wieħed ikun se jsajjar it-tiġieġa, qatt ma għandu jaħsilha qabel. Sacher qalet li jekk wieħed jaħsel it-tiġieġa jista’ jwassal biex iferrex taqtir żgħir ta’ batteri madwar il-kċina u l-uċuh tal-għamara.
Jekk wieħed jippersisti li jaħsel it-tiġieġa spjegat li għandu jassigura li wara juża srievet tal-karti biex jassorbu l-likwidu kollu. Iżda sostniet li l-aħjar mod ta’ kif issajjar it-tiġieġa jibqa’ mingħajr ma taħsilha.