Ara f’liema Sibt se tirċievi ż-żieda

Read in English.

Il-Gvern ħabbar id-dati li fihom se jkun qed iqassam il-flus lill-pensjonanti u dawk li jirċievu l-għajnuna soċjali b’żidiet li daħlu fis-seħħ fil-Baġit għal din is-sena.

Il-Ministru Michael Falzon rrefera għaż-żieda ta’ €7 fil-ġimgħa fil-pensjonijiet u ż-żieda fir-rata tal-Assistenza Miżjuda għal Diżabilità Severa. Hu qal li l-ewwel żiedet tħallsu s-Sibt li għadda. Dawn kienu japplikaw għal dawk li jirċievu l-pensjoni tal-età mhux kontributorja li barra miż-żieda għall-għoli tal-ħajja rċievew iż-żieda ta’ €3.51 fil-ġimgħa fil-pensjoni tagħhom. Għal dawk miżżewġin, ir-rata telgħet għal €157.84 fil-ġimgħa, u għal dawk li jgħixu waħedhom ir-rata laħqet €125.07 fil-ġimgħa. Imqabbla mar-rati fis-seħħ fl-2013, ir-rati l-ġodda żdiedu bi kważi 24 fil-mija, b’ €24.20 għal dawk singoli u  b’€29.74 għal dawk miżżewġa.

Il-Ministru Michael Falzon sostna li nhar is-Sibt li ġej (11 ta’ Jannar) se jkun imiss lill-pensjonanti tal-irtirar li jirċievu l-pensjoni taż-żewġ terzi u dawk li huma pensjonanti tas-servizz li se jirċievu ż-żieda ta’ €7 fil-ġimgħa fil-pensjoni tagħhom.  Fl-istess ġurnata jirċievu żieda wkoll dawk li qegħdin fuq l-għajnuna soċjali.

Fil-11 ta’ Jannar ukoll jirċievu ż-żieda addizzjonali dawk li kienu jaħdmu fis-settur pubbliku u li rtiraw bejn l-2016 u l-2018 ta’ 62 sena jew aktar, b’aktar minn 35 sena bolol.  B’hekk dawn se jinġiebu l-istess bħal dawk li kienu jaħdmu fis-settur privat.

Il-pensjonanti romol se jirċievu ż-żieda ta’ €7 fil-ġimgħa fil-pensjoni tagħhom nhar is-Sibt 18 ta’ Jannar.  Fl-istess ġurnata se jirċievu żieda ukoll dawk li qegħdin fuq l-għajnuna medika.

Is-Sibt 25 ta’ Jannar imbagħad ikun imiss lill-pensjonanti tal-invalidità u l-pensjonanti fuq il-pensjoni minima li huma wkoll se jkunu qed jirċievu ż-żieda ta’ €7 fil-ġimgħa fil-pensjoni tagħhom.