Ara f’liema jum tista’ ssegwi d-drama favorita tiegħek

Patrick Tanti u Evelyn Saliba La Rosa f'xena mill-ewwel episodju ta' F;Ġieħ L-Imħabba. Ritratt: Ivan Borg

F’dawn il-ġranet ħafna producers ta’ bosta sensiliet bdew joħorġu ħafna informazzjoni dwar il-produzzjonijiet tagħhom fuq l-istazzjonijiet lokali mill-iskeda tal-ħarifa li se tkun qed tibda mit-Tnejn 30 ta’ Settembru.

Dawn huma s-sensiliet tad-drama li se tkunu tistgħu ssegwu f’inqas minn ġimagħtejn:

Mit-Tnejn sal-Ġimgħa: SORELLE (TVM fit-3pm)

Rewind Productions jippreżentaw din id-drama ta’ kuljum, b’kitba ta’ Michael Vella Haber u Evelyn Saliba La Rosa li titratta l-ġrajja ta’ ħames aħwa li jsofru minn traġedja fil-familja tagħhom u li ħajjithom ma tibqax l-istess.

Mit-Tnejn sal-Ġimgħa: K.C. (Net fis-2.30pm)

Bħala parti mit-throwback drama li qed juru dan l-istazzjon, mit-Tnejn sal-Ġimgħa tasal lura Eileen Montesin bis-sensiela K.C. li oriġinarjament bdiet tintwera f’Ottubru 2008. Il-ġrajja jew aħjar is-sitwazzjonijiet ta’ tlett aħwa b’karattri kompletament differenti minn xulxin. Missierhom, li issa kiber u għandu problemi f’saħħtu, jixtieq isewwi xi nuqqassijiet tal-imgħoddi.

It-Tnejn: F’ĠIEĦ L-IMĦABBA (TVM fid-9pm)

Produzzjoni oħra minn Rewind Productions, mill-ġdid b’kitba ta’ Michael Vella Haber u Evelyn Salib La Rosa.

Ir-rakkont jaf il-bidu tiegħu fil-familja Cuppola fil-ħamsinijiet. Il-familja Cuppola kienet familja magħquda, immexija minn Santiago Cuppola li kellu żewġ interessi prinċipali f’ħajtu. Dawn kienu l-imħabba u l-protezzjoni tal-familja u l-għenba u l-inbid. Kien jemmen li waħda ma tistax teżisti mingħajr l-oħra.

It-Tnejn: IŻ-ŻAGĦKA (Net fid-8.45pm)

Il-ġrajja ta’ din il-produzzjoni se teħodna lura fiż-żmien, eżattament fis-Snin 50. Filfatt il-kelma “żagħka” hija kelma antika li tirreferi għal persuna li ma tkunx aċċettata, jew inkella titqies bħala ġerrejja jew inkella prostituta.

Il-produzzjoni hija ta’ DM Midja u għandha kitba ta’ Desier Debono, li fost oħrajn diġà wasslilna il-produzzjonijiet Libra u Pupazz.

It-Tlieta: L-GĦARUSA (TVM fid-9pm)

SharpShoot Media, fuq kitba ta’ Audrey Brincat Dalli, jippreżentaw it-tieni u l-aħħar staġun tas-sensiela L-Għarusa li se tkompli tiffoka fuq il-ġrajja ta’ mħabba bejn Diego u Bettina, fi storja li teħodna lura fi snin, iżda li fl-istess waqt iddur mal-libsa tal-Għarusa fiż-żminijiet tal-lum.

Kif se tkompli l-ġrajja ta’ mħabba? Bettina u Diego jkomplu jiltaqgħu? Min huma l-karattri l-ġodda li se naraw fil-puntati l-ġodda?

L-Erbgħa: DIVISION 7 (One fit-8.30pm)

X’se jkun id-destin ta’ Julia? Washak se jirnexxielu jwettaq il-pjan tiegħu? Samira se ssalva wara li fl-aħħar puntata ntilfet minn sensiha?

Bi produzzjoni ta’ DBA Entertainment, Division 7 se tasal lura mill-Erbgħa 2 ta’ Ottubru u minnha hemm 12-il puntata li għandhom iwasslu sat-18 ta’ Diċembru.

It-tmien staġun imbagħad jissokta, dejjem fuq l-istess stazzjon, mill-Erbgħa 18 ta’ Marzu, u għandu jkun hemm tmien puntata oħra.

Il-Ħamis: FATTIGI (Net fid-8.45pm)

It-tieni u l-aħħar staġun ta’ din il-produzzjoni ta’ Watermelon Media li ssegwi l-ħajja tat-tlett protagonisti, Francis, Catherine u Mandy hekk kif l-intriċċi jkomplu jiżvolġu madwar ħajjithom.

Is-Sibt: SORELLE – Catch Up Episodes (TVM 2 mill-11am)

Għal min jitlef din id-drama ta’ kuljum wara nofsinhar ta’ TVM, ċans li jsegwi f’daqqa ‘l puntati kollha mill-11 ta’ filgħodu ‘l quddiem fuq TVM 2.

Il-Ħadd: L-GĦOĠOL TAD-DEHEB (One fl-4.30pm)

It-tieni u l-aħħar staġun naraw kif Pia ssir taf lil Jaden, tifel intelliġenti ħafna, wara li dan imur joqgħod id-dar tagħha għal ftit ġranet. Dan għaliex ommu, li tkun kollega taz-Zija Rita, tkun marret l-isptar tagħmel operazzjoni tal-ftuq. Minbarra hekk, Pia tagħmel ħbieb ma’ Margerita, tifla kwieta u qalbha tajba. Sadattant, ikunu sparixxew żewġt itfal… U Pia tkun l-aħħar waħda li tkun rat lil waħda minnhom.

Il-Ħadd: ELF METODU (One fid-9.15pm)

Din is-sensiela taqa’ taħt il-ġeneru ta’ black comedy u niltaqgħu mal-protagonista, Karen, li għal snin sħaħ sfat abbużata minn żewġha mentalment u fiżikalment. Meta hu jmut taħt ċirkostanzi misterjużi, Karen issib libertà ġdida f’ħajjitha.