Ara fejn tista’ tara spettaklu mlewwen fil-15 ta’ Ġunju

Fl-okkażjoni tal-Festa tal-Madonna tal-Ġilju 2019, l-Għaqda tan-Nar fi ħdan is-Soċjeta’ Mużikali Madonna tal-Ġilju tal-Imqabba se tippreżenta Symphony of Stars, spettaklu ta’ nar sinkronizzat ma’ diversi siltiet mużikali, nhar is-Sibt 15 ta’ Ġunju 2019 fl-9:45pm fil-Bypass tal-Imqabba.

L-ispettaklu ser ikun jikkonsisti wkoll minn logħob tan-nar tradizzjonali Malti fosthom sfejjer, blalen, forom, baraxxijiet u diversi settijiet ta’ murtali tal-beraq u tal-kulur.

Wara, ssegwi esibizzjoni ta’ nar tal-art oriġinali u mekkanizzat. L-Għaqda tan-Nar Madonna tal-Ġilju kienet ir-rebbieħa ġenerali tat-tieni edizzjoni tal-Festival Nazzjonali tal-Logħob tan-Nar tal-Art fuq il-Fosos tal-Floriana kif ukoll naqqxet isimha fil-Guinness Book of World Records bil-ħruq tal-akbar reddiena fid-dinja.

Aktar informazzjoni tinkiseb fuq is-sit elettroniku uffiċjali tas-Soċjeta’ Mużikali Madonna tal-Ġilju www.talgilju.com