Ara fejn se jkun l-Isqof Cefai waqt iż-żjara tiegħu f’Għawdex

L-Isqof Giovanni Cefai wasal Malta llum għall-ewwel żjara tiegħu minn meta ġie maħtur mill-Papa Franġisku bħala l-ewwel Isqof tal-Prelatura Territorjali ġdida ta’ Santiago Apostol de Huancane, fil-Perù.

Mons. Cefai hu l-ewwel Isqof Malti tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl. Il-programm uffiċjali taż-żjara tikkonsisti f’dawn:

  • Nhar il-Ħadd 11 ta’ Awwissu, fl-9.45am, jitlaq korteo mid-Dar Stella Maris tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl, fiż-Żebbuġ, raħal twelidu, fejn l-Isqof Cefai jiġi akkumpanjat mit-tfal tal-Ewwel Tqarbina u l-Konfirmazzjoni, il-Banda Santa Marija u l-poplu taż-Żebbuġ lejn il-Knisja arċipretali ta’ Marija Assunta, fejn imexxi Pontifikal solenni. Din il-quddiesa tixxandar diretta fuq TVM2.
  • It-Tnejn 12 ta’ Awwissu, fil-11.00am, jagħmel żjara lil Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, fil-Kurja Veskovili, il-Belt Victoria.
  • It-Tnejn 12 ta’ Awwissu, fis-6.00pm, jiċċelebra quddiesa fil-Kappella tad-Dar Stella Maris, iż-Żebbuġ.
  • It-Tlieta 13 ta’ Awwissu, fl-10.00am, jiċċelebra quddiesa privata fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu.
  • L-Erbgħa 14 ta’ Awwissu, fis-6.00pm, jiċċelebra quddiesa fil-Bażilika ta’ San Ġorġ, il-Belt Victoria.

Aqra: L-Isqof Giovanni Cefai f’Malta mill-Perù

  • L-Erbgħa 14 ta’ Awwissu, fit-8.00pm, immexxi l-ewwel parti tal-Velja tal-Għid tal-Assunta u mbagħad jikkonċelebra mal-Isqof Mario Grech fil-Quddiesa tal-Vġili, fuq iz-Zuntier tas-Santwarju Ta’ Pinu, fl-okkażjoni tal-għeluq tas-Sena Djoċesana Marjana. F’din l-okkażjoni hu jagħmel l-Att ta’ Affidament tal-ministeru episkopali tiegħu lill-Madonna.
  • Il-Ħamis 15 ta’ Awwissu, fl-10.30am, jiċċelebra l-quddiesa tas-Solennità tal-Assunta fil-Bażilika ta’ San Pietru u San Pawl, in-Nadur.
  • Il-Ħamis 15 ta’ Awwissu, fis-6.45pm, imexxi l-Purċissjoni titulari ta’ Santa Marija li toħroġ mill-Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria.
  • Il-Ħadd 18 ta’ Awwissu, fis-7.15pm, imexxi Pontifikal solenni fil-Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria, li fih l-Isqof Mario Grech jagħtih merħba uffiċjali f’isem il-Knisja f’Għawdex.
  • It-Tnejn 19 ta’ Awwissu, filgħodu, jagħti t-tqarbin lill-morda fid-djar tagħhom fiż-Żebbuġ.
  • L-Erbgħa 21 ta’ Awwissu, fit-8.30pm, jippresiedi fuq Kunċert mużikali mill-Banda Santa Marija fil-Pjazza taż-Żebbuġ, u wara jagħmel żjara lill-Każin tal-istess Għaqda Mużikali.
  • Is-Sibt 24 ta’ Awwissu, fil-5.30pm, imexxi t-Translazzjoni solenni u wara ċ-ċelebrazzjoni tal-Ewwel Għasar tal-Festa titulari ta’ Santa Marija, fil-Knisja arċipretali taż-Żebbuġ.
  • Il-Ħadd 25 ta’ Awwissu, fl-10.30am imexxi l-Pontifikal solenni u fis-7.00pm il-Purċissjoni titulari tal-Festa ta’ Santa Marija fiż-Żebbuġ.
  • It-Tlieta 27 ta’ Awwissu, fis-7.00pm, jiċċelebra quddiesa fil-Knisja arċipretali tal-Madonna ta’ Loreto, Għajnsielem.
  • Il-Ħamis 29 ta’ Awwissu, fis-7.00pm, jiċċelebra quddiesa fir-Rotunda arċipretali ta’ San Ġwann Battista, ix-Xewkija.
  • Is-Sibt 31 ta’ Awwissu, fis-7.00pm, jiċċelebra quddiesa fis-Santwarju parrokkjali tal-Qalb ta’ Ġesù, il-Fontana.
  • Il-Ħadd 1 ta’ Settembru, fis-7.00pm, jiċċelebra quddiesa fil-Bażilika ta’ Marija Bambina, ix-Xagħra.

Intant, fil-parroċċi li ħa jżur l-Isqof Cefai, il-ġabra tal-quddiesa se tmur b’risq il-missjoni tiegħu fil-Perù. Min jixtieq jagħti donazzjonijiet għal dan il-għan, jista’ wkoll jikkuntattja jew jibgħat l-għotja tiegħu lil Dar Stella Maris, Triq Mons. Ġużeppi De Piro, iż-Żebbuġ, Għawdex.

Fl-okkażjoni ta’ din l-ewwel żjara tal-Isqof Giovann Cefai f’raħal twelidu, għada, il-Parroċċa taż-Żebbuġ se toħroġ kartolina kommemorattiva b’timbru speċjali mill-Maltapost.