Ara fejn qiegħed l-apparat li jista’ jsalva lin-nies fil-Belt

MFH/MJCL_PS

Tmien magni magħrufin bħala automated external defibrillators (AEDs) tpoġġew f’postijiet pubbliċi fil-Belt Valletta. Dawn jistgħu jintużaw biex isalvaw lil xi ħadd li jkollu attakk tal-qalb skont il-Ministeru għas-Saħħa u s-Segretarjat Parlamentari għal Valletta 2018.

Fi stqarrija, il-Gvern qal li l-Belt Valletta saret l-ewwel lokalità fil-pajjiż li qed toffri ‘servizz mediku pubbliku’ li permezz tiegħu l-pubbliku jista’ jkun strumentali biex tkun salvata l-ħajja ta’ individwu. Il-pjan hu li l-AEDs jkunu installati mal-pajjiż kollu.

Mit-tmien AEDs s’issa ġew installati sitta:

  • Ħdejn il-gabbana tal-Malta Public Transport fit-terminus tal-karozzi tal-linja tad-daħla tal-Belt
  • Marsamxett ħdejn Cockney’s Restaurant
  • Ħdejn Castille Hotel
  • Ħdejn l-Ispiżerija Chemimart quddiem il-bini tal-Parlament
  • Ħdejn il-Knisja ta’ San Franġisk fi Triq ir-Repubblika
  • Triq it-Teatru l-Qadim

Iż-żewġ AEDs l-oħra li mistennija jkunu installati fil-jiem li ġejjin se jkunu waħda quddiem M&S fi Triq id-Dejqa u l-oħra fi Triq il-Merkanti quddiem is-Suq tal-Belt.

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li aktar minn terz tal-imwiet f’Malta huma kkawżati minn kundizzjonijiet tal-qalb.

L-inawgurazzjoni ta’ dan is-servizz saret minn Fearne fil-preżenza tas-Segretarju Parlamentari għal Valletta 2018 Deo Debattista. Il-Malta Heart Foundation u l-Malta Resuscitation Council kellhom sehem f’din l-inizjattiva.