Ara fejn mhux permess xogħol ta’ twaqqigħ u tħaffir fis-sajf

L-ebda xogħol ta’ twaqqigħ u tħaffir mhu se jkun permess fiż-żoni tat-turiżmu tul ix-xhur tas-sajf. Din l-inizjattiva qed titmexxa mill-Awtorità Maltija tat-Turiżmu hekk kif fi stqarrija qalet li dan it-tip ta’ xogħol joħloq inkonvenjent kbir.

L-infurzar tal-avviż legali 295/07 huwa mod wieħed kif tittaffa l-inkonvenjent li s-siti tal-kostruzzjoni għandhom kemm fuq l-industrija tat-turiżmu kif ukoll fuq in-numru ta’ familji Maltin li jmorru f’xi residenza tas-sajf.

Kull xogħol ta’ tħaffir u twaqqigħ illegali mwettaq bejn il-15 ta’ Ġunju u t-30 ta’ Settembru 2019, fil-lokalitajiet u fit-toroq identifikati, jista’ jiġi rrappurtat lill-Uffiċċju għar-Regolament tal-Bini fuq in-numri 2292 7608 jew 9963 7508.

Fost il-postijiet imsemmija hemm toroq f’Marsaskala, il-Mellieħa, il-Kottonera u San Pawl il-Baħar. Il-lista sħiħa tal-lokalitajiet u t-toroq fejn ix-xogħlijiet ta’ twaqqigħ jew tħaffir huma projbiti tul ix-xhur tas-sajf tista’ tarhom minn hawn.