Aquarius: Malta mxiet mal-liġi internazzjonali – Juncker

A staff member checks the physical condition of a migrant on the MV Aquarius, a search and rescue ship run in partnership between SOS Mediterranee and Medecins Sans Frontieres on their way to Spain, June 13, 2018. Karpov / SOS Mediterranee/handout via REUTERS

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker qal li skont l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, Malta mxiet mal-liġi internazzjonali fil-każ tal-bastiment Aquarius li kien qed iġorr 629 immigrant.

Fi stqarrija, il-Prim Ministru qal li Juncker qal dan waqt telefonata li kellu miegħu llum dwar il-kwistjoni tal-migrazzjoni.

Muscat qal li jittama li r-relazzjoni bejn Malta u l-Italja terġa’ lura għan-normal.

Fi stqarrija, il-Gvern Malti qal li mhux veru li Malta ma tistax tgħasses iż-żona ta’ salvataġġ.

Il-Gvern kien qed jirreaġixxi għal dak li qal il-Ministru għat-Trasport Taljan Danilo Toninelli llum fejn qal li jekk Malta ma tistax tlaħħaq mal-obbligi tagħha għandha tirtira ż-żona tagħha.

“Stqarrijiet bħal dawn m’għandhom l-ebda bażi legali jew politika u sfortunatament juru li l-Ministru għandu informazzjoni skorretta jew irid iqajjem kontroversja bla bżonn” stqarr il-Gvern.

Skont il-Gvern, fl-aħħar snin ma kien hemm l-ebda każ ta’ salvataġġ fiż-żona ta’ Malta li ġie rrifjutat.

“Għandna soluzzjoni għal sistema ċentralizzata” – Miriam Dalli

Waqt diskors fil-Parlament Ewropew il-Membru tal-Parlament Ewropew Laburista Miriam Dalli qalet li l-Parlament Ewropew għandu jżomm lill-Kunsill Ewropew responsabbli jekk ikompli ma jieħux azzjoni dwar il-migrazzjoni.

“Għandna soluzzjoni għal sistema ċentralizzata u jekk il-Kunsill ma jridx jisma’, mela allura trid issir xi ħaġa oħra malajr kemm jista’ jkun” qalet l-MPE.

Sistema li tqabbel l-immigranti mal-ħtiġijiet tal-pajjiżi – Alfred Sant

L-MPE Laburista Alfred Sant qal li “l-Ewropa għandu jkollha politika komuni li taħdem biex tippermetti immigrazzjoni legali miftuħa u ekonomika, li tqabbel l-immigranti mal-ħtiġijiet iddikjarati tal-istati membri.”

Sant qal li l-Ewropa għandha tgħin aktar lill-Afrika.