Aquarius: “Ma stajniex naċċettawhom; eqreb lejn Lampedusa”

Joseph Muscat

Read in English.

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat saħaq li Malta kienet marbuta bil-liġijiet internazzjonali biex ma taċċettax l-Aquarius, għax l-eqreb port kien Lampedusa.

Fuq l-Aquarius kien hemm abbord 629 immigrant irregolari, li niżlu l-art fi Spanja fl-aħħar sigħat, wara disat ijiem ta’ qtigħ il-qalb bejn sema u ilma.

“Ma naċċettax li għax aħna żgħar jordnawlna x’nagħmlu”

F’intervista fuq One Radio, Joseph Muscat sejjaħ “inaċċettabli” l-ordni tal-Italja li l-bastiment jieqaf fl-ibħra internazzjonali fi triqtu lejn l-Italja. Saħaq li ma jista’ jaċċetta qatt attitudni minn pajjiżi oħrajn li “għax aħna żgħar jordnawlna x’għandna nagħmlu”.

Il-Mexxej Laburista enfasizza li l-Gwardja tal-Kosta Libjana qed titħallas b’investiment mill-Unjoni Ewropea u għaldaqstant jemmen li għandha tiġi fdata u titħalla taħdem.

Filwaqt li kkritika lill-Unjoni Ewropea li ma ħaditx biżżejjed azzjoni, qal li hemm it-tajjeb ukoll, li bejn din is-sena u s-sena l-oħra, l-għadd ta’ nies li jivvjaġġaw bejn il-Libja u l-Ewropa naqas bi 78%. Il-Prim Ministru sejjaħ dan “tnaqqis drastiku”.

Enfasizza li trid issir differenzazzjoni bejn dawk li ġenwinament ifittxu l-ażil, u immigranti ekonomiċi li jeħtieġu li jsegwu r-regolamenti. Għal dawk li jfittxu l-ażil, qal li jridu jittieħdu miżuri biex jivvjaġġaw b’mod aktar sigur.

“Gvern kompatt jivvota favur l-emendi fil-liġi tal-embrijun”

Meta mistoqsi dwar l-emendi proposti mill-Gvern għall-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni, Joseph Muscat qal li l-Grupp Parlamentari Laburista se jivvota favur l-emendi bħala “Gvern kompatt” nhar it-Tlieta li ġej.

Irrimarka li l-Partit Nazzjonalista għandu attitudni konservattiva u negattiva li ma tinftiehemx fil-kwistjoni tal-embrijuni.

Skont Muscat, is-sitwazzjoni passata kienet waħda ipokrita, għaliex persuni tal-istess sess kellhom jaħbu r-relazzjoni tagħhom u jaddottaw bħala single parents. Muscat ikkritika l-kummenti ta’ min saħaq li din mhix familja.