Aġġornata: Aquarius ma jitħallhiex jidħol Malta; isalpa lejn Marsilja

Reuters

L-ekwipaġġ tal-bastiment Aquarius jinsab fi triqtu lejn Marsilja wara li l-awtoritajiet Maltin ma ħallewhomx jidħlu f’Malta.

L-uffiċjali tal-NGO SOS Mediterranee li joperaw il-bastiment qalu li din ma kinitx l-ideali għax qed tbegħdhom miż-żona tat-tiftix u s-salvataġġ għal perjodu itwal.

Aktar kmieni, Newsbook.com.mt għamel kuntatt ma’ uffiċjal abbord Aquarius, li l-ġimgħa li għaddiet kien fiċ-ċentru tal-kontroversja Ewropea dwar l-immigrazzjoni b’629 immigrant abbord. L-uffiċjal qalet li l-ekwipaġġ ma ngħatax raġuni għalfejn ma tħalliex jidħol f’port Malti. Din it-talba saret biex jaħżnu provisti ġodda u biex jibdel it-tim tal-ekwipaġġ.

F’kontroversja oħra, dwar il-bastiment Lifeline, l-aġenzija tal-aħbarijiet qalet li l-awtoritajiet Maltin jidhru lesti biex iħallu l-bastiment Lifeline jidħol f’Malta bil-Gvern Malti jgħid fi stqarrija li d-diskussjonijiet għadhom għaddejjin.

Fi tweet, l-NGO SOS Mediterranee li tmexxi l-bastiment Aquarius qalet li ma jistgħux jifhmu din id-deċijoni u għaldaqstant dawwru r-rotta biex jitilgħu lejn it-Tramuntana tal-Mediterran.