Aquarius: In-nies imdardrin bil-baħar; tinbidel ir-rotta minħabba l-maltemp

Ritratt: SOS MEDITERRANEE

Il-bastiment Aquarius biddel ir-rotta u se jkun qed ibaħħar tul il-kosta tal-Lvant ta’ Sardinja biex isib kenn mill-maltemp filwaqt li n-nies abbord qed jiddardru minħabba l-baħar.

L-ekwipaġġ qal li l-immigranti huma għajjenin ħafna, ixxukjati, u mdardrin minħabba l-baħar.

Skont ir-Reuters, fost l-immigranti hemm nisa u tfal żgħar li mhux mistennija jinżlu fuq l-art qabel nhar is-Sibt.

L-Italja u Franza ppruvaw jerġgħu jtejbu r-relazzjoni ta’ bejniethom wara diżgwid li kellhom dwar l-immigrazzjoni. Il-Papa Franġisku appella lill-politiċi biex jaħdmu flimkien biex jgħinu lir-refuġjati.

Din hi r-rotta tal-Aquarius:

Ilbieraħ il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker qal li skont l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, Malta mxiet mal-liġi internazzjonali fil-każ tal-bastiment Aquarius li kien qed iġorr 629 immigrant.

L-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna u l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech appellaw lill-awtoritajiet politiċi fl-Ewropa biex ikomplu jfittxu soluzzjonijiet umanitarji għall-immigranti fuq il-bastiment Aquarius mingħajr ma jinsew ir-realtajiet taċ-ċittadini tal-pajjiżi li jilqgħuhom.

Intant il-Prim Ministru Joseph Muscat kellu kollegament telefoniku mal-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk fejn it-tnejn iddiskutew il-kwistjoni tal-emigrazzjoni kif ukoll il-Kunsill Ewropew li jmiss.