Aqta’ x’tiekol ir-Reġina minn filgħodu sa filgħaxija

Jekk kont taħseb li r-Reġina Eliżabetta t-Tieni tiekol u tiffanga, sejjer żball.
Kok li kien jaħdem fil-kċina rjali qal li r-Reġina ma tagħmilx għall-ikel, u tant hu hekk li tiekol biss kemm hemm bżonn sabiex wieħed jiffunzjona tul il-ġurnata.
Dan kontra l-Prinċep Philip, li ’l hena tiegħu jiekol u jitkellem dwar l-ikel.
Waħda mir-regoli tagħha meta tiġi biex tagħżel x’tiekol, u speċjalment meta tiekol waħedha, hija li ma tiekolx ikel li fih il-lamtu (starch).
Xi tħobb tiekol ir-Reġina?
Ir-Reġina tar-Renju Unit tibda’ l-ġurnata tagħha b’kikkra te, mingħajr ħalib u zokkor, u ftit gallettini.

Ftit iktar tard hi tieħu l-kolazzjon li ġeneralment jinkludi ċereali u frott.

Minkejja dan, hi ġieli tagħżel li tieħu xi ftit ħobż mixwi bil-ġamm jew bajd, salamun u faqqiegħ.

Ftit tas-sigħat wara l-kolazzjon u qabel l-ikla ta’ nofsinhar, ir-Reġina tieħu tazza ġinn u Dubonnet b’biċċa lumija u ħafna silġ.
L-ikla ta’ nofsinhar ħafna drabi tkun verament sempliċi bħal ħut u ħaxix, jew inkella xi insalata bit-tiġieġ.
Wara nofsinhar dejjem tieħu kikkra te ma’ xi ftit ħobż bil-ħjar, salamun, bajd u mayonnaise, jew ġieli anki bil-perżut u l-mustarda.

L-ikla ta’ filgħaxija tikkonsisti f’laħam taċ-ċanga, faġan jew salamun speċifikament ġejjin minn irziezet f’Sandringham u Balmoral. Il-laħam ġeneralment iservuhulha bi ftit zalza tal-faqqiegħ, krema u wiski.
Id-deżerta għar-reġina tinkludi frawli, li wkoll jiġu mill-għelieqi f’Balmoral u ħawħ abjad mis-serer ta’ Windsor Castle.
Għaldaqstant, ir-Reġina tħobb wisq iċ-ċikkulata, ta’ liema għamla jew ditta tkun.
Imma kif tispiċċaha l-ġurnata?
Minkejja li bosta huma dawk li jaffordjaw biss jixorbu xampanja tajba f’xi okkażjonijiet speċjali, ir-Reġina Eliżabetta ttemm il-ġranet tagħha b’tazza xampanja mill-aktar fina.