Aqsam il-presepju ma’ ħaddieħor qabel iżżejjen bih

Jekk dan iż-żmien tibda taħseb biex tibni presepju, din is-sena se jkollok ċans taqsmu ma’ ħafna nies qabel jieħu l-post ċentrali fid-dar tiegħek fi żmien il-Milied.
Il-Moviment Kerygma se jorganizza kompetizzjoni tal-presepji li se jkunu eżebiti f’wirja bejn l-20 u 29 ta’ Novembru li ġej.
Ġurija, se tieħu ħsieb tevalwa dawn il-presepji fuq numru ta’ kriterji, fosthom  l-oriġinalità, artistrija, il-grotta u l-madwar, irfinar fix-xogħol, perspettiva u proporzjon, tqassim ta’ pasturi u wkoll effetti maħluqa permezz ta’ dwal jew ilma.
Il-presepju m’għandux jaqbeż il-120ċm wisgħa u t-80ċm fond. Għalkemm il-pasturi m’għandhomx ikunu mekkanizzati, xi oġetti bħal xi sienja jistgħu jkunu.
Għal min jerbaħ il-kompetizzjoni, hemm jistennih premju ta’ €200. Imbagħad min jikklasifika fit-tieni u t-tielet post jieħu €100 u €50 rispettivament. Kull parteċipant se jingħata ċertifikat tal-parteċipazzjoni.
Il-ħlas biex wieħed jieħu sehem huwa ta’ €10 u kull parteċipant jista’ jieħu biss sa presepju wieħed.
Jekk int imħajjar, ċempel fuq 99110880 u l-formoli tal-applikazzjoni jinkisbu minn fuq www.kerygma.org.mt