Aqra dan l-artiklu qabel tagħmel kuntratt ġdid tal-mowbajl

Qabel ma tabbona għal xi servizz tal-komunikazzjoni elettronika, għandek tikkunsidra bosta fatturi, wara kollox ħafna draba wieħed huwa marbut għal sena jew sentejn ma’ dan is-servizz. 
X’għandek iżżomm f’moħħok qabel tikkommetti? 
1. Kif tippreferi tħallas?
Il-kumpaniji li joffru s-servizz tal-komunikazzjoni elettronika bħal-linja tal-mowbajl u l-internet, jagħtuk l-għażla li tħallas kemm qabel ma tuża s-servizz (pre-paid)bħal ngħidu aħna top-ups jew inkella post-paid, bil-kuntratt. 
2. Kif se tuża l-mowbajl? 
Qabel ma wieħed jagħżel il-pakkett tal-mowbajl, għandu jikkunsidra wkoll kif se juża l-mobajl. Dan għaliex ċerti operaturi joffru pakketti speċifiċi għal dawk li jużaw il-mobile data jew dawk li jużaw il-mowbajl iktar għal telefonati. 
L-istess japplika għas-servizzi tat-televixin u tal-internet, fejn il-konsumatur għandu jikkunsidra fatturi bħall-veloċità u jekk japplikax xi limitu għad-download.
Meta konsumatur ikollu problema dwar xi servizz li tirregola l-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni (MCA), l-ewwel m’għandu jagħmel huwa li jikkuntattja lill-operatur. Jekk jibqa’ mhux sodisfatt bl-azzjoni tal-operatur, wieħed jista’ jiftaħ ilment mal-MCA.
L-aktar mistoqsijiet u lmenti komuni mwassla lill-MCA kienu dwar ħsarat intermittenti u temporanji fis-servizzi, dwar kontijiet, ħlasijiet u tariffi, u dwar it-terminazzjoni ta’ servizzi. Fi kwalunkwe każ, l-MCA assistiet lill-konsumaturi sakemm ġie assigurat li l-problemi ġew indirizzati mill-operaturi kkonċernati.
Għal aktar informazzjoni dwar dan, il-pubbliku jista’ jikkuntattja lill-MCA permezz ta’ imejl fuq customercare@mca.org.mt, bit-telefown fuq 21336840 jew fuq il-paġna ta’ Facebook.

Din l-informazzjoni ġiet miġjuba bis-sehem tal-MCA waqt il-programm Ta' Kulħadd ma’ Christine Delicata kuljum bejn id-9am u l-12.00pm fuq RTK 103FM