“Aqfluhom lejl f’ċella… hekk jitgħallmu l-bullies”

L-ibbuljar hija realtà li bosta tfal jaffaċċjaw meta jkunu fl-iskejjel. Sitwazzjoni li toħloq rabja kbira fost il-ġenituri, anke fuq il-mezzi soċjali.
Ġenituri li kellhom tfal vittmi ta’ bbuljar qalu li jemmnu li wieħed mill-modi kif jitwaqqfu milli dawn jibbuljaw tfal oħra huwa billi jġibulhom il-pulizija, u jaqfluhom f’ċella għal ftit ħin, sabiex jagħtuhom tagħlima.
Għaldaqstant kien hemm oħrajn li kkundannaw dan it-tip ta’ kastig fejn qalu li huwa wisq aħrax meta wieħed jirrealizza li dawn “wara kollox huma tfal”.
Oħrajn semmew kastigi bħas-sospensjoni ta’ studenti għal ftit jiem mill-iskejjel, jew saħansitra tkeċċija. “Jekk l-iskola ma tiħux l-azzjoni neċessarja saħansitra lesti li nieħdu l-liġi b’idejna”, żiedu jgħidu oħrajn.
X’kienu wħud mill-esperjenzi li qasmu magħna l-ġenituri?
Omm saħqet li meta t-tifla tagħha kienet qed tiġi bbuljata, l-iskola ma ħaditx azzjoni u kellha minn jeddha tirranġa mal-ġenituri tal-bully sabiex tassigura li ma jerġax jiġri każ hekk.
Madanakollu, kien hemm ġenitur ieħor li saħaq li l-azzjoni li ħadet l-iskola ħadmet. Hu spjega kif il-bully ntalab jagħmel apoloġija kemm verbali kif ukoll jikteb ittra ta’ apoloġija lill-istudent l-ieħor. Il-ġenitur stqarr li wara li ntalab jagħmel dan, l-ibbuljar waqaf kompletament.
Min-naħa tagħha, il-Learning Support Educator (LSE) li ftit tal-ġimgħat ilu tkellmet ma’ Newsbook.com.mt qasmet ukoll l-esperjenza tagħha ta’ meta hi kienet fl-iskola sekondarja u kienet hi wkoll vittma tal-ibbuljar.
Hi spjegat kif kienet tibża’ titkellem għax dejjem kienet tgħid lilha nnifisha li kulħadd se jgħidilha li kienet qed tilgħabha tal-vittma. Hi fakkret li huma bosta t-tfal li jagħmlu bħalha u li ma jitkellmux dwar is-sitwazzjoni tagħhom qabel ma jikbru u l-ħsara tkun saret, hekk kif hi qasmet l-esperjenza tagħha ma’ familtha riċentament.