Aptit sesswali baxx fil-mara

Li kultant ikollok aptit is-sess u xi kultant ma jkollokx hija xi ħaġa perfettament normali. Peress li kull mara hija differenti, l-aptit sesswali jvarja minn persuna għal oħra. Iżda meta mara jkollha aptit baxx għas-sess u dan joħloq stress fuqha, jista’ jkollha kundizzjoni msejħa “Aptit Sesswali Ipoattiv”, bl-Ingliż magħrufa bħala Hypoactive Sexual Desire Disorder (HSDD).L-HSDD tista’ tikkawża stress personali kif ukoll diffikultajiet fir-relazzjoni. 

Is-Soċjetà għar-Riċerka dwar is-Saħħa tan-Nisa tistma li b’mod ġenerali madwar waħda minn kull għaxar nisa għandhom HSDD. Dan ifisser li din waħda mill-aktar diffikultajiet sesswali komuni fin-nisa.

X’jikkawża HSDD?

Hemm diversi fatturi li jistgħu joħolqu l-HSDD. Dawn jistgħu jkunu fiżiċi, relazzjonali kif ukoll psikoloġiċi. Hemm numru ta’ kundizzjonijiet fiżiċi assoċjati mal-HSDD, inkluż il-kanċer tas-sider, id-dijabete, id-dipressjoni, l-inkontinenza fl-awrina, problemi tat-tirojde, u sklerosimultipla, fost oħrajn. 

Aptit sesswali baxx jista’ jkun ukoll effett sekondarju ta’ ċerti mediċini, inklużi mediċini użati għall-kura tad-dipressjoni, l-ansjetà u l-pressjoni għolja, kif ukoll xi mediċini biex jikkuraw l-uġigħ.

Problemi fir-relazzjoni jista’ jkollhom ukoll effett fuq xi nisa. Jekk fir-relazzjoni hemm xi kunflitt jew nuqqas ta’ fiduċja, jista’ jkun li bħala riżultat il-mara titlef l-interess fis-sess mal-partner tagħha, għalkemm tajjeb ngħidu wkoll li mara tista’ tesperjenza HSDD u ma tkunx f’relazzjoni.

Tistatiġi ttrattata l-HSDD?

Iva, l-HSDD tista’ tiġi ttrattata, għalhekk jekk int imħassba dwar nuqqas ta’ aptit sesswali l-ewwel pass huwa li titkellem ma’ professjonist biex tara liema għażliet huma disponibbli. Il-professjonist jista’ jistaqsi serje ta’ mistoqsijiet biex jara jekk fil-fatt tkunx HSDD. L-ewwel erba’ mistoqsijiet li nistaqsu huma dawn:

  1. Tqis li fil-passat l-aptit sesswali tiegħek kien tajjeb?
  2. Rajt xi tnaqqis fl-aptit sesswali tiegħek?
  3. Tħossok imħassba bil-livell baxx tal-aptit sesswali?
  4. Tixtieq li l-aptit sesswali jiżdied?

Mit-tweġibiet ta’ dak li jkun għal dawn l-erba’ mistoqsijiet jiddependi x’jiġri wara. Jista’ jirriżulta li l-mara ma jkollhiex HSDD u jista’ jirriżulta li jkun hemm bżonn isirulha xi mistoqsijiet oħra dwar fatturi li jistgħu jikkontribwixxu għal dan l-aptit sesswali baxx tagħha, inklużi l-kundizzjonijiet tas-saħħa fiżika u mentali, trawmi passati, xi twelid riċenti, ir-relazzjoni mal-partner tagħha, il-livell ta’ stress u għeja tagħha, kif ukoll affarijiet oħra.

It-trattament jista’ jinkludi terapija sesswali jew psikoedukazzjoni, kemm għall-mara weħidha kif ukoll mal-partner tagħha. Hekk tkun tista’ tindirizza kwalunkwe kwistjonijiet ta’ relazzjoni, ta’ saħħa mentali jew aspetti oħra li jistgħu jkunu preżenti. Ġeneralment dan kollu jkun parti minn assessment multidixxiplinari f’kollaborazzjoni bejn diversi professjonisti minn dixxiplini differenti li jaħdmu flimkien biex il-problema tkun studjata mill-perspettivi kollha tagħha.

Tista’ tara l-verżjoni diġitali ta’ FLIMKIEN billi tagħfas hawn.

Flimkien Lulju Cover